Lokali Qorti

Yorgen Fenech jinżamm arrestat; il-biża’ li jaħrab tibqa’ reali

Yorgen Fenech li jinsab mixli bl-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia se jibqa’ arrestat wara li l-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża li jingħata l-ħelsiem mill-arrest. Dan għal diversi raġunijiet fosthom il-biża li huwa jaħrab minn Malta, l-periklu li jiġu intraċċati l-provi u li għad baqa’ xhieda mportanti li jridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-każ.

Din id-deċiżjoni ngħatat mill-Maġistrat Rachel Montebello li quddiemha qed jinstema’ l-każ ta’ Yorgen Fenech. Fid-digriet li hija tagħat ikkwotat ukoll il-liġi Ewropea u qalet li din id-deċiżjoni hija marbuta ma’ diversi fatturi fejn hawn jidħol mhux biss l-interess tal-akkużat, iżda ukoll l-interess tas-soċjetà.

Qalet li mhux moralment konvinta kif ingħad mid-difiża li ma hemm l-ebda riskju li Fenech jaħrab mill-pajjiż minħabba li għandu l-familjari jgħixu f’Malta. Tenniet li l-biża li jaħrab mhux daqstant remota. Huwa kien isiefer barra minn Malta u għandu interess mhux biss f’Malta imma anke barra.

Fost oħrajn huwa propjetarju ta’ lukanda fi Franza u għalhekk ma jistax jiġi eskluż totalment li jipprova jaħrab minn Malta. Dwar it-talba li x-xhieda mportanti diġa taw id-depożizzjoni tagħhom u li għalhekk ma hemmx periklu ta’ intraċċ, dan mhux minnu.

Il-Maġistrat qalet li għad hemm inkjesti li għadhom ma ngħalqux u għad hemm x’jiġi esebit fuq dan il-każ. L-inkjesta għadha għaddejja u hemm persuni oħrajn li għadhom jiġu nvestigati u li għad baqa’ aktar xhieda mportanti.

Hemm ukoll apparat li għadu jiġi nvestigat u għad baqa’ wkoll ix-xhieda ta’ Melvin Theuma. Fattur ieħor huwa li allegarament mhux waħdu huwa kkommetta d-delitt u jista’ jkun hemm ukoll ħaddieħor li għadu mhux magħruf. Dan id-delitt qanqal ukoll ċerta diskussjoni u li sar fuq investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel il-vittma, delitt għadu ma ġiex solvut b’mod totali. Fid-dawl ta’ dan kollu t-talba għal libertà proviżorja kienet miċħuda.

Miċħuda wkoll talba għal referenza Kostituzzjoni mid-difiża

Il-Qorti ċaħdet ukoll talba mid-difiża  biex issir referenza lill-Qorti Kostituzzjonali biex tiddetermina jekk id-drittijiet fundamentali ta’ Fenech kienux qed jinkisru. l-Maġistrat Montebello qalet li l-informazjoni ma tistax tkun mgħoddija għax bħalissa hija suġġetta għal investigazzjoni. u li mistennija tkun eżibita fil-Qorti.

Il-Qorti qalet li l-informazjoni ma tistax tkun mgħoddija għax bħalissa hija suġġetta għal investigazzjoni. u li mistennija tkun eżibita fil-Qorti. Id-difiża qalet li l-Pulizija kienet f’pusses ta’ evidenza li hija ħbiet minnha, fosthom il-mobajl privat ta’ Yorgen Fenech biex din tara jekk inkisrulux id-drittijiet tal-bniedem meta dan ma ngħatax lura lilu. Bid-difiża għalhekk tiġi mċaħħda mill-provi.

Il-Qorti qalet li din it-talba hija waħda frivola u vessatorja  u dan għaliex ukoll hemm persuni oħra taħt investigazzjoni. Għaldaqstant il-Qorti rrifjutat it-talba tad-difiża għal referenza għall-Qorti Kostituzzjonali.

Sadanittant l-Ispettur Keith Arnaud qal li xtaq jgħaddi kumment importanti.

Tenna li l-mobajl ta’ Fenech għandu fuqu ħafna informazzjoni, inkluż informazzjoni fuq it-tfal u l-familja tiegħu. Huwa ssuġġerixxa li jinħatar espert biex iqassam id-data fuq il-mobajl.. Hu rrefera għal każ tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani simili għal dan il-każ.

Qal li wieħed jista’ jissuġġerrixi keywords u l-informazzjoni tkun imqassma b’dan il-mod. Qal li alternattiva għal dan hija li espert tal-Qorti jipprepara rapport.

Żied jgħid li permezz ta’ eżerċizzji tat-tip, wieħed ikun jista’ jissalvagwardja l-privatezza ta’ terzi parti li mhumiex relatati mal-każ. Minn naħa tagħha l-Avukat Marion Camilleri qalet li l-ewwel iridu li jingħataw aċċess.

L-Avukat Mercieca nnota wkoll li meta l-Europol ippreżentat l-evidenza relatata mal-mobajl ta’ Melvin Theuma, il-Europol tat aċċess għall-informazzjoni lill-partijiet kollha mingħajr ma sar filtering tal-informazzjoni.

Qal li d-difiża aġixxiet b’mod professjonali u ma ressqitx evidenza li mhix relatata mal-każ. Mercieca sostna li d-difiża qed tinsisti li tingħata aċċess għall-mobajl b’mod sħiħ.

L-Avukat Philip Galea-Farrugia qal li hu konxju li qalb l-apparat li kien ikkonfiskat hemm ukoll mobile li hu ta’ bint is-sieħba ta’ Theuma. Il-Qorti qalet li hi ma tistax taħtar espert tal-Qorti biex jagħmel inventorju ta’ dan it-tip.

Il-partijiet qablu  li l-informazzjoni se titwera f’kamra speċifika u jgħażlu minn hemm. Il-Qorti awtorizzat l-espert biex jiltaqa’ mal-prosekuzzjoni. Wara li l-informazzjoni tkun ikkupjata, din tiġi analizzata mill-prosekuzzjoni u d-difiża flimkien, fil-preżenza ta’ espert tal-Qorti.

Għal Yorgen Fenech qed jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Farrugia Galea Farrugia u l-Avukat Nadia Attard mill-istess uffiċċju.

L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru għan-nom tal-familja Caruana Galizia. Il-kumpilazzjoni se tkompli fis-6 ta’ Ottubru fl-10.00am.