Lokali Qorti

Żagħżugħ li seraq tliet snieter jingħata probation bil-Qorti tgħid li jeħtieġ l-għajnuna

Il-Qorti poġġiet żagħżugħ ta’ 20 sena taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ tliet snin wara li sabitu ħati li tliet snin u nofs ilu seraq tliet snieter minn Ħal Far.

Instabu mpronti diġitali li jaqblu ma’ dawk ta’ Jide Mallia miż-Żejtun fejn huwa wettaq is-serqa billi daħal fil-post minn tieqa. Mill-provi irriżulta li fuq il-ħġieġ tat-tieqa ta’ minn fejn saret is-serqa, nstabu l-marki tas-swaba tiegħu.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha laqgħet it-talba tal-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia li f’każ ta’ ħtija, Mallia m’għandux jingħata piena karċerarja u li għandu bżonn l-għajnuna u mhux jispiċċa l-ħabs.

Il-Maġistrat Rachel Montebello li quddiemha nstema’ l-każ qalet li hija fehmet li l-imputat jeħtieġ li jingħata għajnuna sabiex iżomm ‘il boghod minn vizzji u mill-kriminalità u flistess waqt, sabiex isaħħaħ il-valuri tajbin li jidher li għandu, fosthom il-bżulija f’xogħolu.

Il-Qorti qieset ukoll il-fatt illi għalkemm għadu żagħħugħ, il-kondotta turi illi huwa diġà ġie kkundannat darbtejn għal reati kriminali separati, li saru meta kellu biss 18-il sena.

F’dan il-kwadru ta’ fatti, il-Qorti qalet li anke tenut kont l-età żgħira tiegħu meta kkommetta r-reat ta’ serq ta’ snieter, u wara li ħadet in konsiderazzjoni wkoll ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Uffiċjal tal-Probation, qieset illi l-iktar sanzjoni xierqa li tista’ tiġi mposta fiċ-ċirkostanzi mhijiex piena karċerarja, iżda ħruġ ta’ Ordni ta’ Probation.

Dan sabiex jingħata gwida strutturata f’ħajtu ghall-fini li jagħraf iqiegħed il-futur tiegħu fuq binarji tajbin minflok jerġa’ jaqbad it-triq tal-kriminalità. Mallia nstab ħati li fl-20 ta’ Frar 2017 minn fond  f’Ħal Far, limiti ta’ Birżebbuġa ikkommetta serq ta’ tliet is-Snieter “shotguns” liema serq huwa ta’ valur ta’ anqas minn  €2,329.37.   

L-armi jinkludu ‘shotgun’ tal-ghamla Benelli,  ‘air rifle’ tal-marka Umarex,  u arma oħra, ‘shotgun’ tal-għamla Luigi Franchi.  Il-Pulizija qalet li mill-istqarrija li ta l-imputat ħareġ li hu kien midħla tal-fond minn fejn insterqu l-armi, għaliex ta’ sikwit kien imur ghall-kaċċa flimkien maz-zijiet tal-ħabiba tiegħu.

Huwa kien insista li qatt ma daħal mit-tieqa, iżda dejjem daħal mill-bieb. Stqarr ukoll illi filgħaxija tal-14 ta’ Frar 2017, huwa mar flimkien ma’ tliet ħbieb tiegħu fir-razzett ta’ persuna oħra,  li jiġi biswit ir-razzett ta’ minn fejn seħħet is-serqa.

Qal illi filwaqt li l-ħabiba tiegħu baqghet fil-kamra ma’ ħabibtha, hu flimkien ma’ ħabib tiegħu, ħarġu ‘l barra mill-fond u qagħdu jduru quddiem il-kamra sakemm ħarġet il-ħabiba tiegħu.

Bla dubju, qalet il-Qorti, din l-istqarrija tpoġġi lill-imputat fil-lok tas-serqa u fil-jiem immedjatament qabel ġiet skoperta s-serqa fejn sar ir-rapport mill-Pulizija mill-vittmi tas-serqa.

Ħabib tiegħu qal fil-Qorti li l-imputat qallu biex joqgħod għassa għal ħabiba tiegħu għaliex hu kien se jiftaħ it-tieqa tal-kamra l-oħra u jidħol għas-snieter. Spjega  kif huwa għen lill-imputat joħroġ tliet armi b’kollox għaliex ma setax jaqbeż mit-tieqa bihom, u ħbewhom fil-ħaxix fl-akkwati tal-fond.

Ix-xhud qal ukoll li meta telqu minn fuq il-post bil-vettura li kien qed isuq l-imputat, huma l-ewwel wasslu lil ħabiba tagħhom u wara hu flimkien mal-imputat reġgħu marru fl-għalqa.

Hemmhekk huma għabbew is-snieter li kienu ħbew fil-haxix, ġol-bagoll tal-karozza misjuqa mill-imputat u sussegwentement, l-imputat wasslu d-dar. Ix-xhud qal ukoll illi l-għada huwa ltaqa’ mal-imputat li tah €100 bħala sehmu mis-serqa.  

Fir-rapport tiegħu l-espert tal-marki tas-swaba wasal ghall-konklużjoni li t-tliet impronti huma identiċi mal-marka tas-seba’ tal-werrej, il-marka tas-seba’ tan-nofs u l-marka tas-seba’ tac-curkett tal-imputat Jide Mallia. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras.