Internazzjonali

Żmien sinifikanti għal-Libanu….fost il-pressjoni għal Gvern ġdid li jrid jistinka biex itaffi l-kriżi

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, ħeġġeġ biex il-Libanu jwaqqaf Gvern ġdid mill-aktar fis, wara li Mustapha Adib inħatar Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, fejn qed igawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tad-deputati parlamentari f’Bejrut.

Adib hu l-eks ambaxxatur Lebaniż għall-Ġermanja u l-medjazzjoni ta’ Macron kienet kruċjali biex jintlaħaq kunsens għall-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ġdid.

Il-Gvern preċedenti tal-Libanu kien irriżenja wara l-isplużjoni devastanti tal-4 ta’ Awwissu f’Bejrut li kkaġunat numru sinifikanti ta’ imwiet u ħsarat inkalkulabbli.

L-aħħar rapporti kienu konfermaw talanqas 190 vittma tal-isplużjoni kkaġunata minn talanqas 2,750 tunnellata tal-kimika ammonium nitrate li kienu qed jinżammu fil-port tal-belt u fejn ma kenux qed ikunu mħarsa l-kriterji tas-sigurtà xierqa.

Min-naħa tiegħu, il-President Franċiż Macron, li fil-bidu tal-ġimgħa beda żjara fil-Libanu, informa lill-ġurnalisti li kienet għaddejja ħidma ‘biex il-Gvern Lebaniż ġdid ikun iffurmat malajr kemm jista’ ikun’.  Dan meta l-Prim Ministru ġdid, Adib, ukoll qed jistinka biex jirrealizza dan l-impenn.

Il-President Macron issieħeb fiċ-ċelebrazzjonijiet biex jimmarkaw il-100 sena tal-Libanu bħala pajjiż u fejn ħawwel siġra taċ-ċedru – is-simbolu nazzjonali tal-Lebaniżi – fil-foresta ta’ Jai.

Kelliema għall-Gvern Franċiż qalu li Macron irid juri ‘fiduċja fil-futur tal-Libanu’, bil-President Franċiż, fl-aħħar sigħat, iżur il-port ta’ Bejrut qabel issieħeb f’taħditiet  mal-partiti politiċi li, fil-lejl tat-Tnejn, kienu ħatru lil Mustapha Adib bħala Prim Ministru.

Madankollu, għad hemm il-gruppi tal-Lebaniżi li ma jridux lil Adib bħala Prim Ministru għaliex jarawh bħala ‘kontinwazzjoni tal-klassi politika falluta ta’ pajjiżhom’.

Id-dimostranti Lebaniżi ilhom minn Ottubru jorganizzaw ir-rallies tal-massa madwar il-Libanu fost insistenza biex is-sistema politika tal-pajjiż titneħħa u tinbena mill-ġdid.

Dan meta, sallum, il-poter fil-Libanu kien jibbaża l-aktar fuq ‘l-interessi ta’ xi gruppi elitisti’ fil-pajjiż – bil-Gvernijiet konsekuttivi jispiċċaw akkużati bħala ‘amministrazzjonijiet ineffettivi u disposti biex jiffavorixxu lil dawn il-gruppi għall-iskaptu ta’ ħaddieħor’.

Sadanittant, Mustapha Adib qed jiffaċċja żmien ta’ kriżi profonda,  meta l-Libanu għadu ma stejqirx mill-effetti tal-isplużjoni tal-4 ta’ Awwissu li qerdet distretti sħaħ tal-kapitali.

Anki qabel l-isplużjoni, il-Libanu kien spiċċa f’inkwiet kbir finanzjarju, fost il-kroll tal-kambju nazzjonali u żieda enormi fir-rati tal-qgħad u l-faqar.

Fl-istess ħin, il-kriżi ekonomika tal-Libanu ggravat b’konsegwenza tal-pandemija tal-coronavirus – bil-Prim Ministru Adib diġà qed jinsisti għall-‘implimentazzjoni ta’ riformi ( fuq bażi nazzjonali) b’mod immedjat’.

Mistenni  li Adib, ‘il quddiem, se jagħti priorità assoluta lil ftehim mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) – u meta għalissa, il-Gvern tal-eks Prim Ministru Hassan Diab (li wasal biex jispiċċa) se jkompli jmexxi fi rwol temporanju u sakemm ikun ikkonfermat il-Gvern ġdid tal-Libanu .