Lokali

“Għażiża Miriam, it-telfien tiegħek ma sewa għal xejn” Carmel Pace

Sitt xhur wara t-traġedja tal-Ħamrun, li fiha tilfet ħajjitha Miriam Pace, baqa’ ma nbidel xejn.

F’Facebook post li jmiss il-qlub, l-armel ta’ Miriam, Carmel, ikellem lil martu li mietet mirduma taħt it-tifrik ta’ dahra stess.

Jgħidilha li minkejja l-ħafna wegħdi li sarulu dakinhar tat-traġedja u fil-jiem ta’ wara, sal-lum baqa’ ma nbidel xejn.

Carmel Pace jikteb kif rapport li kien wegħdu l-Prim Ministru baqa’ ma sema’ xejn dwaru, u t-talba tal-familja tal-vittma sabiex issir inkjesta ġiet totalment injorata.

Fil-post tiegħu ikellem lil martu u jgħidilha li t-telfien tagħha ma sewa għal xejn, u li l-wegħdiet li sarulu kienu biss duħħan.

Il-weġa’ ta’ Pace jesprimiha fil-mod kif jiddeskrivi kif spiċċa hu wara t-traġedja li laqtithom. Spiċċa mingħajr l-aktar persuna li kienet kollox għalih. Spiċċa mingħajr l-isbaħ tifkiriet. Bla dar, bla ħwejjeġ. Tiela u nieżel il-Qorti.

“Spiċċajt mentalment imkisser” jikteb l-armel.

Miriam Pace tilfet ħajjitha fit-2 ta’ Marzu

Carmel Pace temm il-post tiegħu fuq Facebook b’talba lil martu sabiex tkun hi li tinterċedi quddiem il-Madonna li tħaffef il-piż ta’ din it-tbatija u jgħidilha li jħares ‘il quddiem biex jerġa jgħannaqha miegħu.