Lokali

Id-deċiżjoni tal-għeluq tal-Għassa tal-Mellieħa hi żbaljata u insensittiva – il-Kunsillieri tal-PN

Il-Kunsillieri Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa ma jistgħux ma jikkundannawx id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern Laburista biex jagħlaq l-Għassa tal-Pulizija tal-lokalità b’mod permanenti.

Ivan Castillo, Marvin Abela, Gabriel Micallef u Emvin Bartolo jqisu li din kienet deċiżjioni insensittiva u li se taffettwa b’mod negattiv lill-komunità Melliħija. Huma jsostnu li din id-deċiżjoni se tnaqqas il-kwalità tal-ħajja u s-serħan tal-moħħ, fost dawk kollha li jgħixu fil-Mellieħa. Dan is-sentiment esprimewh f’ittra li bagħtu lill-Ministru Byron Camilleri, kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa fakkru li kien il-Partit Nazzjonalista li ssuġġerixxa t-twaqqif tal-Pulizija tal-Komunità u għalhekk, qatt ma jista’ jifhem kif mal-pass li nagħmlu ‘l quddiem isiru tnejn oħrajn lura. Jistaqsu wkoll jekk qabel ittieħdet din id-deċiżjoni, sarx risk assessment kif suppost. Għaldaqstant saħqu li ma jistgħux jifhmu kif wara li ngħalqet l-Għassa tal-Għadira, żona fil-Mellieħa frekwentata ferm minn eluf kbar ta’ Maltin, issa kien deċiż li tingħalaq dik tal-Mellieħa.

Il-poplazzjoni tal-Mellieħa tlaħħaq l-10,000 persuna li tiżdied b’madwar tliet darbiet aktar fix-xhur tas-Sajf. Għalhekk huma jħossu li għal dan il-fatt biss, l-Għassa kellha tibqa’ miftuħa u msaħħa b’aktar preżenza ta’ Pulizija, li jridu jlaħqu ma’ lokalità daqshekk vasta li tinkludi wkoll lill-Armier, Selmun, il-Miżieb u l-Manikata.

Bħala Kunsillieri eletti mill-poplu tal-Mellieħa, huma ħeġġew lill-poplu Mellieħi u lil Maltin oħrajn biex jingħaqdu magħhom u jappoggjaw billi jiffirmaw il-petizzjoni mħejjiha mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar. Dan jista’ jsir billi tidħol fuq il-link http://chng.it/vgF2txV2 u jiffirma hemm ħalli l-Gvern jiftaħ l-Għassa tal-Pulizija bis-servizzi kollha tagħha u jsaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija mill-aktar fis.

Castillo, Abela, Bartolo u Micallef qed jinsistu li l-lokalità tagħhom, li sservi kemm bħala lokalità residenzjali kif wkoll post ta’ rikreazzjoni għal eluf kbar ta’ Maltin u turist, filwaqt ukoll li hi passaġġ għal eluf kbar oħra li jaqsmuwh minn u lejn Għawdex, għandha jkollha preżenza ta’ pulizija adekwata u b’saħħitha u mhux l-għeluq permanenti tal-għassa tal-lokal.

Il-Mellieħa hi żona turistika s-sena kollha, għassa hija servizz għall-komunita’ Melliħija u t-turisti li jżuruha mhux biss li jkunu alloġġjati fl-10 lukandi li wieħed isib fil-Mellieħa, iżda wkoll dawk li jiġu jżuru l-attrazzjonijiet li wieħed isib f’din il-lokalità. Nemmnu li s-sens komun fl-aħħar jirbaħ fuq din id-deċiżjoni ħażin li ttieħdet.