Lokali

Ikkjarifikat l-operat tal-Kummissjoni Kandidati PN

Il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għadha ma lestietx il-ħidma kollha tagħha bħala parti mill-proċess li għandu jwassal għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit.

Fi stqarrija, iffirmata miċ-Chairperson tal-Kummissjoni Colin Bowman, ingħad li nħasset il-ħtieġa li l-operat ikun iċċarat wara li jidher li ġie interpretat ħażin minn kmamar tal-aħbarijiet.

Il-Kummissjoni Kandidati spjegat li l-ħidma tagħha, skont l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, hi marbuta ma’ żewġ punti: li l-persuna tkun b’karattru personali integru u onest, bl-unika motivazzjoni tkun għas-servizz tal-poplu għall-ġid komuni u kompetenti; kif ukoll li jkun sodisfatt l-eżerċizzju dwar id-diliġenza approvata.

Dwar l-ewwel punt, il-Kummissjoni spjegat li diġà ltaqgħet separatament maż-żewġ persuni li esprimew interess – Adrian Delia u Bernard Grech – li sarulhom numru ta’ mistoqsijiet li l-membri ħassew li kienu rilevanti. Dan l-istadju issa hu magħluq.

Dwar it-tieni punt, il-Kummissjoni nkarigat tliet esperti – Clyde La Rosa, Mario P. Galea u Antonio Ghirlando – li għadhom għaddejjin b’ħidmiethom. Kien spjegat li fl-aħħar jiem, dawn talbu aktar informazzjoni minghand Delia u Grech, bir-rapport tagħhom s’issa għadu mhux lest.

Dan ifisser, temmet tgħid l-istqarrija, li r-rapport finali dwar iż-żewġ persuni interessati s’issa għadu ma wasalx għand il-Kummissjoni Kandidati.