Lokali Qorti

Il-Bord m’għandu jkollu ebda ostaklu u jiġi mfixkel bit-terminu qasir tal-inkjesta kif ordna l-Prim Ministru

Il-Bord ta’ Inkjesta m’għandu jkollu l-ebda tfixkil biex jaqdi dmiru fl-inkjesta li qed issir biex ikun magħruf jekk l-istat setax evita l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. L-istess Bord għandu bżonn ħin diċenti u adegwat u ma jistax jiġi mfixkel u rinfaċċat b’terminu qasir li ddeċieda fuqu l-Prim Ministru.

Dan ħareġ minn verbal li għamlet l-Avukat Therese Comodini Cachia f’isem il-familja Caruana Galizia wara li l-Imħallef Michael Mallia, li qed jippresiedi l-Bord qal li wara t-talba li saret lill-Prim Ministru skont il-liġi biex ikun hemm estenzjoni tat-terminu u dan minħabba diversi ċirkostanzi, r-risposta tal-Prim Ministru kienet li t-talba kienet qed tiġi milqugħa għal darba biss sal-15 ta’ Diċembru ta’ din is-sena.

L-Avukat Comodini Cachia qajmet oġġezzjoni għal dan u qalet li dan mhux il-mod kif isiru l-affarijiet. Qalet li hija ħadet konjizzjoni għall-ittra tal-Prim Ministru Robert Abela, u semmiet li l-ostakli li ffaċċat l-familja Caruana Galizia sabiex jinħatar dan il-Bord ta’ Inkjesta.

Dan kollu kien seħħ f’laqgħat estensivi mal-uffiċċju tal-Prim Ministru bil-familja tinnota wkoll li l-Bord ta’ Inkjesta fl-implimetazzjoni tal-obbligu tal-Istat biex jinvestiga x’seta’ wassal għal dan l-assasinju,

Dan jinkludi jekk kienx hemm responsabbilità jew nuqqasijiet da parti tal-Kostituzzjoni jew jekk kienx hemm ċirkostanzi ta’ impunità li kkontribwew għal dan l-assisinju.

Dan kollu qed isir taħt l-obbligu tal-Istat għal Inkjesta skont l-Artiklu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea, liema inkjesta trid tkun indipendenti u imparzjali u bil-poteri u fakultajiet kollha biex tkun tsta’ twettaq xogħolha b’mod liberu.

L-Avukat Comodini Cachia kompliet tgħid li dan ifisser li l-inkjesta jkollha l-ħin, is-serenità u l-fakulta’ li taħdem sew billi tiġbor il-fatti u x=xhieda u d-dokumentazzajoni kollha meħtieġa.

Qalet li Jidher ċar li għad fadal numru ta’ xhieda sabiex jidhru quddiem dan il-Bord, bl-istess Bord u l-familja għandha bżonn ħin diċenti u mhux biss biex iħejju għal dawn ix-xhieda, iżda wkoll biex iġejju s-sotomissjonijiet meħtieġa.

Dan kollu jirrikjedi ħin u żmien adegwat u l-Gvern m’għandu jagħmel ebda ostaklu, u li dan il-Bord ma jistax jiġi mfixkel u rinfaċċat b’terminu qasir li l-Prim Ministru ddeċieda dwaru.

L-Avukat Therese Comodini Cachia qalet li mhux talli wasalna fl-aħħar, iużda li mix-xhieda qed jirriżulta li hemm impunità u tmexxija minn grupp ta’ nies li jaħtu għal dan. .

L-eks Imħallef Michael Mallia li flimkien mal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigal Lofaro qal li l-Bord talaba terminu sal-aħħar ta’ Diċembru u l-Prim Ministru qal li sal-15 Diċembru u l-ebda minħajr estenzjoni oħra……

L-Avukat Comodini Cachia qalet li dan ifisser li l-Prim Ministru, fid-data tal-15 ta’ Diċembru jrid ir-rapport f’idu. L-Imħallef Abigail Lofaro qalet li hija għandha x-xogħol fil-Qorti tal-familja u li kien hemm ukoll xahrejn u nofs moħlija minħabba l-pandemija tal-COVID 19.

Minn naħa tagħha l-Avukat Comodini Cachia qalet ukoll li l-Bord ta’ Inkjesta m’għandu l-ebda assistenza għal riċerka. l-Bord qal li kien qed jirrikonoxxi l-oġġezzjoni tal-Avukat Comodini Cachia, u rriżerva li jwieġeb fi stadju ieħor.

Jixhed il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus

L-ewwel xhud fl-inkjesta kien l-Inġinier James Camenzuli li kien nħatar il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus mit-28 ta’ Jannar, 2019, u għadu jokkupa din il-kariga sal-lum. Qabel huwa kien Chairman ta’ Projects Malta.

Huwa qal li Projects Plus taħdem fuq proġetti kapitali, mentri Projects Malta taħdem fuq proġetti pubbliċi u privati. Qabel, huwa kien ukoll Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Huwa wkoll Chairman tar-Regolatur tas-Servizzi għall-Enerġija u l-Ilma.

Il-Bord tal-Inkjesta beda jistaqsi lil Camenzuli dwar il-proġett tal-Electrogas. Huwa wieġeb billi qal li ma kien involut bl-ebda mod f’dan il-proġett. “Electrogas ma tissemmiex fl-irwol ta’ Projects Malta jew Projects Plus.” Qal li l-proġett tal-powerstation ġie qabel beda jokkupa l-kariga hu.

Kompla jgħid li qatt ma ra l-ebda fajls marbutin mal-proġett. Wara huwa ġie mistoqsi fuq il-kuntratt tal-Vitals Global Healthcare. Qal li fajls tal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet jinsabu għand Projects Malta u meta hu kien beda fil-kariga, d-deċiżjoni dwar il-Vitals Global Healthcare kienet diġà ttieħdet.

Huwa kkonferma wkoll li ġieli attenda għal laqgħat tal-kabinett. Hawn il-Bord talbu biex jikkjarifika dan il-punt, jiġifieri l-involviment tiegħu fil-kuntratt tal-Vitals. Qal li hu kien Chairman tal-Bord li evalwa t-tenders li daħlu għall-konċessjoni tat-tliet sptarijiet u li l-Ministru responsabbli kien Konrad Mizzi.

Kompla jgħid li hemm nutar li mar biex jiftaħ il-‘bids’ quddiem il-Kumitat kollu. In-Nutar Marco Burlò għamlilhom rapport, li ġie anness mar-rapport tagħhom tal-Kumitat Evalwattiv. Tenna li l-Bord iltaqa’ madwar 10 darbiet biex jiddiskuti t-tliet ‘bids’ li kien hemm.

Fuq diversi mistoqsijiet tal-Bord u tal-Avukat Therese Comodini Cachia fosthom x’kien jgħid ir-rapport tan-nutar, qal li ċċekkja r-rekwiżiti u r-rapport jgħid li peress li tnejn mill-bids ma kinux ‘compliant’, kellhom jagħżlu t-tielet, dik ta’ Vitals Global Healthcare.

Kompla jgħid li l-Bord baqa’ jiltaqa’ wara li kien intgħażel il-Vitals, u ssettja x’għandu jkun l-irwol tal-membri. Iddeċidew li bħala ‘bid’ kienet waħda komprensiva, u żewġ membri tal-Bord iffukaw fuq il-lat finanzjarju, iżda mil-lat tekniku u mediku ħadd ma kien espert, u kellhom jitolbu assistenza.

Sostna li kien riferut lilhom Charles Grixti. L-Imħallef Abigail Lofaro hawn tistaqsi x’esperjenza kellu Grixti, bix-xhud jgħid li ma kienx jafu qabel. Qal li l-Vitals Global Healthcare taw prova soda u konkreta tal-finanzjament, jgħid ix-xhud, kemm tal-lat mediku u tekniku, kif ukoll tal-operat.

Qal li l-bid tal-Vitals kienet waħda professjonali u li l-kumpanija VGH kellha affiljazzjoni ma’ diversi kumpaniji. Tkellem dwar kumpanija Amerikana li kienet għamlitilhom il-kunċett tad-disinn tal-isptarijiet.

Kompla jgħid li mil-lat finanzjarju, kellhom dikjarazzjoni li l-‘Ultimate Beneficiary Owner’ huwa Oxley Group. Camenzuli qal li din hija kumpanija b’saħħitha li investiet f’ħafna sptarijiet barra minn Malta.

Kellhom konfermi wkoll minn diversi banek, pereżempju l-Bank of India u l-Bank of Singapore li ddikjaraw li se jsellfuhom il-flus b’investiment. Tenna li mil-lat mediku, kellhom dikjarazzjonijiet mill-MANV – Medical Association of North Virginia. Sostna li kien sodisfatt li l-paperwork kien profiċjenti.

Fuq mistoqsija tal-Bord qal li jemmen ħadu d-deċiżjoni b’reqqa, kienu attenti ħafna, u dak mitlub minnhom wettquh tajjeb. Saħaq li Oxley Group hija kumpanija ta’ investiment li investiet f’ħafna proġetti barranin.

Mistoqsi mill-Bord min huma x-shareholders f’VGH, isemmi lil Ram Tumuluri, tenna li fil-bid tagħhom, kien hemm id-dettalji ta’ kulħadd, bis-CVs ta’ kulħadd inklużi u affarijiet importanti ħafna.

Xehed li ladarba għażlu l-preferred bidder, ma kellhomx x’jaqsmu aktar. Imbagħad kien f’idejn il-Gvern biex imexxi n-negozjati. Li għamlu kien rapport ta’ evalwazzjoni għal Projects Malta, mhux għall-Ministeru tas-Saħħa jew tal-Finanzi. Saħaq li ma kien hemm ebda oġġezzjoni minn applikanti oħra.

Hawn l-Avukat Comodini Cachia bdiet tagħmel diversi mistoqsijiet foshom meta nħatar il-Kumitat Evalwattiv u kemm dam jaħdem. Qal li jekk mhux sejjer żbaljat dan sar f’Marzu tal-2015, iżda d-dati eżatti ma jiftakaromx.

Ix-xhud qal li bejn l-2015 u l-2017 kellu xogħol ieħor ma’ Projects Malta. Qal li kienu appuntawh Chairman biex jieħu post Chairman li kien irreżenja fuq il-proġett tad-DB Group fil-Bajja ta’ San Ġorġ.

Ma kienx sab dokumentazzjoni fuq l-Electrogas

Kompla biex jgħid li dokumentazzjoni fuq l-Electrogas ma kienx sab u li kienu jkellmu lil John Valenzia minn Projects Malta għal xi assistenza, dak biss kien ikollhom bżonn mingħand Projects Malta. Saħaq li ma kinux jitkellmu mal-Bord tad-Diretturi.

Fuq aktar mistqsijiet tal-Avukat Comodini Cachia qal li ż-żewġ bidders l-oħra kienu Image Hospitals u BSB Investments. Fuq mistoqsija oħra tagħha jekk dawn kienux “fake fronts’, qal li kien f’idejn in-nutar li jevalwawhom, u qalilhom li dawn iż-żewġ bidders kellhom affarijiet neqsin.

Qal li Robert Borg u Manuel Castagna kienu ż-żewġ membri li wettqu l-analiżi finanzjarja mill-Bord.  Ix-xhud qal ukoll li kellhom il-garanzija tal-Bank of India u l-Bank of Singapore,u għalhekk ma kinux dubjużi.

Kien hemm diversi domandi oħra pertinenti tal-Avukat Comodini Cachia li x-xhud qal li ma jiftakarx.  L-Avukat stasietu kif m’għandux kopja tar-rapport. u tenna li kull membru ffirma non-disclosure agreement. Qal li m’għandux aċċess biex iġib id-dokumenti.

L-Imħallef Abigail Lofaro tgħid lix-xhud li donnu m’għamilx homework għax-xhieda tal-lum, u mhux jagħti wisq informazzjoni. Tistaqsih basarx li se jistaqsuh fuq hekk filwaqt li l-eks Prim Imħallef Said Pullicino qal li qed isib ix-xhieda ta’ Camenzuli “stramba.”

Meta l-Kumitat spiċċa xogħlu, qal ix-xhud, id-dokumenti għaddewhom lil Projects Malta. Isemmi lil John Valenzia bħala dak li kien jieħu ħsieb il-Komunikazzjoni, u semma wkoll lil William Wait, li diġà xehed fl-inkjesta.

L-Avukat Pawlu Lia, li kien qed jippattroħinja lix-xhud f’ħin minnhom qam bilwieqfa biex joġġezzjona u jgħid li dawn il-mistoqsijiet m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-iskop tal-inkjesta, iżda għandhom x’jaqsmu mal-iskopijiet tad-deputati minn partiti oħra.

Il-Qorti wissiet lill-avukat Pawlu Lia biex ibaxxi leħnu u huwa l-Bord li jiddeċiedi ir-rilevanza tal-mistoqsijiet. Dwar il-proġett tad-DB fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, ix-xhud qal li nħatar Chairman meta rreżenja ċ-Chairman ta’ dak il-Bord u li ngħata handover u kienu waslu fl-istadju li jistmaw l-art.

Mistoqsi dwar il-valutazzjoni tal-art u tas-sit, jekk saritx qabel jew wara, qal li l-bid intgħażel u wara saru n-negozjati, u intgħażlet il-kumpanija Deloitte. Fuq il-Kumitat tan-Negozjar,qal li kienu hu bħala Chairman, Dr Alex Sciberras u Peter Zammit.

Camenzuli qal li kien ukoll membru fuq il-Kumitat tal-Evalwazzjoni u ċ-Chairman kien George Gringi, bil-membri jkunu Mario Galea, hu u Gerty. Tenna li kienu kkomunikaw mas-Segretarjat Permanenti għall-Ministeru tat-Turiżmu, u anke mas-Segretarjat f’isem il-Ministeru għall-Finanzi.

Il-Ministru Farrugia jgħid li Lawrence Cutajar ma nbidlx kemm dam hu fl-Intern

Wara beda jixhed il-Ministru Michael Farrugia li qal li fuq il-ħatriet tal-Kummissarju tal-Pulizija dawn kienu jiġu mill-Prim Ministru. Meta daħal fil-kariga sab lill-Kummissarju Lawrence Cutajar u dan ma nbidilx kemm dam Ministru għall-Intern hu.

Dwar kienx ikun infurmat dwar ċertu reati tenna li fuq każijiet ta’ ċertu portata kien jiġi infurmat mill-ewwel. Xogħlu iżda kien li jara u jiffaċilità xogħol il-Pulizija, jara li l-Pulizija jkollha l-għodda kollha meħtieġ.

Dwar dak li seħħ lil Daphne Caruana Galizia qal li kien infurmat mill-Kummissarju tal-Pulizija ftit tal-ħin wara, u li kien hemm suspett li xi ħadd kien qatel lil Daphne Caruana Galizia permezz ta’ karozza bomba.

Qal li huwa kien nforma lill-Kummissarju li lest joffri l-għodda kollha biex ikun investigat il-każ. Offra wkoll li jiġu Pulizija u esperti barranin biex jinvestigaw.

Il-Ministru ppreżenta korrispondenza li kellu mal-Ministru Olandiż biex il-Pulizija Olandiża tgħin fl-investigazzjoni tal-karozza bomba ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-messaġġ bagħtu dakinhar, jiġifieri fis-16 t’Ottubru tal-2017, fis-6.49pm. Qal li kienu għaddew biss ftit minuti, l-Ministru Olandiż ta permess lill-Pulizija Olandiża b’telefonata biex tiġi Malta.

Il-Ministru Farrugia qal li dakinhar stess wasal xi ħadd mit-tim Olandiż f’Malta. Il-bqija tat-tim ġie Malta l-għada. L-involviment tiegħu f’dan il-każ qal li kien wieħed minimu. U lill-Pulizija ftit li xejn kien jitlobha nformazzjoni u li kien iħalliha taħdem fil-kwiet.

Il-Kabinett ma ltaqax fuq dan il-każ speċifiku u qatt ma ġie diskuss sakemm kien hemm il-kwistjoni tal-proklama f’Novembru li għadda. Il-Ministru qal lill-Bord li jista’ jagħti aktar dettalji fuq xi pariri li ta hu bħala Ministru, iżda kien lest li jagħmel dan bil-bibien magħluqa, peress li tinkludi informazzjoni sensittiva.

Kompla jgħid li huwa qatt ma waqqaf xi tip ta’ investigazzjoni milli ssir u li qatt ma ndaħal lill-Pulizija lil min iressqu jew ma jressqux il-Qorti. Il-Bord jikkwota intervista mal-Ministru Michael Farrugia li kien taha lill-ġurnal MaltaToday, li fiha jingħad li l-Ministru qal li ma kellux fiduċja f’xi membri fil-Korp tal-Pulizija.

Farrugia qal li fl-intervista kien qed jitkellem b’mod inġenerali, mhux fuq il-każ ta’ Montenegro, li ssemma. Kienet tasallu xi informazzjoni u hu kien jgħaddiha lill-awtoritajiet neċessarji. Qal li huwa lest li jgħid fil-magħluq min huma dawn in-nies li ma kienx jafda, iżda b’ċerti limiti, għax l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Mistoqsi huwiex kuntent kif imxiet u qed titmexxa l-investigazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia, x-xhud qal li ż-żewġ każijiet ta’ karozzi bomba meta hu kien Ministru għall-Intern fil-Fgura li ma ħaditx, u dik ta’ Caruana Galizia, ġew solvuti.

Kuntent bix-xogħol li għamel l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar

Dwar ix-xogħol tal-Kummissarju Lawrence Cutajar, li ħadem miegħu qal li taħtu, nqabdu ammonti rekords ta’ droga, naqset il-kriminalità, inqabdu persuni marbutin mad-droga, issaħħaħ id-dipartiment tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.

Dwar Lawrence Cutajar qal li dan kien ġej minn skola antika u hu ra li jlaqqa’ l-ideat aktar antiki ta’ Cutajar mal-ideat ta’ Angelo Gafà, li dak iż-żmien kien Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija u skont hu din kienet taħlita tajba.

Mistoqsi mill-Bord jekk il-Kabinett iddiskutiex l-allegazzjoni serja fuq 17 Black peress li involviet żewġ persuni fil-Kabinett. Qal li l-Kabinett ma jiħux passi meta jkun hemm allegazzjonijiet mingħajr provi u li l-Kabinett mhuxiex il-post fejn isiru nvestigazzjonijiet kriminali.

Dwar il-Panama Papers qal li saru diskussjonijiet ras imb ras, persuna ma’ oħra, bejnu u l-Ministru Konrad Mizzi, u bejnu u l-Prim Ministru. Qal li ma’ Keith Schembri ma tkellimx u li ma kellux għalfejn ikellmu għax kien jitkellem mal-Prim Ministru.

Dwar il-ħbiberija tiegħu ma’ Keith Schembri qal li ma jistax jgħid li mhuwiex ħabib tiegħu, u ma jistax jgħid li meta kellu xi problemi ta’ kif se jimxi ‘l quddiem fuq ċerti proġetti, u li kien jgħinu. Semma fost oħrajn proġett tal-housing li kien għenu fih.

Ma jaf xejn fuq il-kitchen kabinett

Mistoqsi fuq dak li qal l-Minisru Edward Scicluna dwar il-Kitchen Cabinett, qal li huwa ma jaf xejn fuqu u dwar Keith Schembri qal li kien jattendi għal laqgħat tal-kabinett imma qatt ma ħa deċiżjonijiet dwar proġetti.

Qal li jaf li Keith Schembri u Konrad Mizzi huma ħbieb imma ma jaf xejn aktar. Tenna wkoll li hu ma kienx preżenti għal birthday party ta’ Joseph Muscat fil-Girgenti.

Dak li għamel Konrad Mizzi, għamel ħażin u ma messux għamilha, anke jekk kienet għall-familja – (b’rifenza għal kont li fetaħ fil-Panama) – qal li għaddejjin inkjesti dwar dan kollu u li jekk ikun hemm ħtija, minn żbalja għandu jħallas.

Mistoqsi fuq jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhomx jirriżenjaw qabel, jgħid li kien hemm opinjonijiet diversi, anke ‘l barra mill-Kabinett, qal iżda li dwar riżenji irid ikun hemm provi ċari biex dawn jirriżenjaw.

Kompla jgħid li kull persuna fil-Kabinett kellha laqgħa mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-opinjoni tagħha, jekk Keith Schembri u Konrad Mizzi kellhomx jirriżenjaw.

Il-Bord hawn beda jgħid lill-Ministru Farrugia kif il-Pulizija ma ħadetx passi fuq il-Panama Papers u li damu għal sena sħiħa biex iċċaqqalqu. Dwar dan qal li kien beda proċess amministrattiv dwar il-Panama Papers.

Iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech

Il-Ministru Farrugia qal ukoll li ma jaf bl-ebda kamra, jew skrivanija, ta’ Nexia BT f’Kastilja. Dwar Yorgen Fenech qal li ltaqa’ miegħu darba, bħalma ltaqa’ ma’ investituri oħrajn. Tenna li ltaqa’ miegħu fl-uffiċċju tiegħu u dan meta kien Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar.

Fuq il-konverazzjoni li kellu miegħu qal li kien mar ikellmu fuq proġett li kellu tar-riklamazzjoni tal-art ‘il barra minn Portomaso. Fenech ried jibni lukanda ta’ sitt stilel. Qal li ma marx ikellmu waħdu, imma fil-preżenza ta’ tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA. Qal li qatt ma ltaqa’ ma’ Fenech wara jew qabel dan l-inkontru.

Wara ssemmew it-torrijiet tal-Mrieħel fejn ix-xhud qal li l-policy ppermettiet dan l-iżvilupp. Qal li l-floor-area policy kienet teżisti fl-2013, jiġifieri Malta u Għawdex setgħu jinbnew bil-‘high-rise buildings’.

Dwar jekk kienx hemm tradiment minnb persuni li ssemmew f’dan kollu, qal li dan huwa ħażin u jista’ jkun l-akbar ħabib tiegħu, jekk għamel xi ħaġa ħażin, għandu jħallas ta’ egħmilu.

Fuq mistoqsija tal-Avukat Therese Comodini Cachia, dwar il-kuntatt tal-Ministru Olandiż, qal li huwa għamel dan b’SMS. Dwar l-FBI qal li ma kien hemm l-ebda ‘clearance’ mingħandu, u kollox sar permezz tal-Pulizija Maltija.

Qal li ma jafx jekk tkellmux mal-Prim Ministru. Dwar l-omiżidju ta’ Caruana Galizia, kellu briefings mal-membru tas-sigurta u li baqgħu għaddejjin sal-aħħar ġurnata li għamel bħala Ministru f’dak ir-rwol. Qal li waħdu kien jagħmel il-briefings.

Tenna li ma kienx jaf li l-Prim Ministru kien involut fil-briefings, iżda assuma li kienu qegħdin isiru u dan ukoll għax mal-Prim Ministru ftit kien jitkellem fuq il-każ.

Fuqu nniffsu kien jitkellem fuq il-każ ta’ Daphne, ftit li xejn mal-Pulizija. Il-ftit briefings li kellu kienu mal-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Lawrence Cutajar. Qatt ukoll ma tkellem mal-Assistent Kummissarju Silvio Valletta.

Qal li ma kellux għalfejn jistaqsi għaliex ma kienx ikun mistieden għall-briefings tal-Prim Ministru, għax finalment il-PM għandu r-responsabbilità kollettiva tal-Ministri. Dan ukoll għax l-informazzjoni tiegħu kien jeħodha minn sorsi oħra. Qal ukoll li l-ewwel konoxxenza li kellu tal-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra kienet meta nqatlet persuna f’Ħal Far.

Dwar jekk kienx infurmat li kienu se jiġu arrestati l-aħwa Degiorgio, il-Ministru Farrugia qal li lest li jagħti nformazzjoni bil-bibien magħluqa biss. L-Avukat Comodini Cachia staqsiet kienx hemm drabi li ntalbet l-approvazzjoni tal-Prim Ministru meta kien hu indispost fuq deċiżjonijiet dwar il-każ, huwa wieġeb fl-affermattiv, għax ir-responsabbiltà kienet taqa’ f’idejh.

Tenna li kemm il-darba kellu jieħu ċerti deċiżjonijiet id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u dan jekk il-Prim Ministru jkun indispost, per eżempju msiefer.

Dwar il-ħbiberija li kien hemm bejn Joseph Muscat u Keith Schembri qal li kienet ovvja fejn dawn minn mindu kienu tfal ta età żgħira, saħansitra dejjem kienu flimkien l-iskola – dejjem jiltaqgħu u jkunu dejjem flimkien – il-ħbiberija tispjega ruħha faċilment.

Qal iżda li ma kienx konxju bil-ħbiberija li kien hemm bejn Joseph Muscat u Yorgen Fenech. Dwar l-idea fuq il-premju ta’ miljun ewro lil min jagħti nformazzjoni fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia, qal li din kienet ġiet mill-Prim Ministru.

Hu ma kienx involut fid-diskussjoni, u għalhekk ma jafx jekk kienx involut Keith Schembri fid-diskussjonijiet dwar dan. Dwar id-dettalji u l-kuntratti qal li dawn ma kinux jitilgħu fil-Kabinett.

Il-Kabinett kien japprova l-kunċett u l-prinċipju, mbagħad, il-proġett ikun f’idejn il-Ministru responsabbli. Fuq il-każ tal-Vitals Global Healthcare u l-Electrogas, il-Ministru qal li l-Kabinett kien infurmat ftit fuq l-RFP u l-bidders potenzjali.

Qal li hu kien Segretarju Parlamentari tal-Ippjanar fl-2012 u fl-2013, l-uffiċċju tiegħu kien f’Kastilja taħt l-uffiċċju tal-Prim Ministru. Mistoqsi kienx jiddiskuti x-xogħol tiegħu mal-Prim Ministru, qal li fejn jidħol l-ippjanar, hemm l-Awtorità tal-Ippjanar, imma fejn jidħol l-Awtorità tal-Artijiet kien ikollu jiffirma hu.

Mistoqsi fuq il-kwistjoni tal-Cafe Premier, Jgħid li hu ma kienx involut, u mhux infurmat min kien involut fil-każ, anke jekk kienet taqa’ taħt ir-remit tiegħu. Qal li huwa mportanti li titneħħa l-kċina u t-tankijiet tal-gass mill-post.

L-Avukat Comodini Cachia u l-Bord tal-Inkjesta staqsewh għal tweġiba ċara. Baqa’ jinsisti li ma jafx iżda qabel mad-deżiżjoni għax tneħħa l-periklu. Dwar Melvin Theuma li ngħata job minn Keith Schembri, u jekk hu nvestigax peress li dan kien jagħmel parti mir-remit tiegħu, qal li iva, nvestiga u kien infurmat li l-impieg ingħata minn jobs plus.

Dwar meta sar jaf id-data tal-elezzjoni ġenerali tal-2017 huwa qal li sar jaf dak inhar stess li tħabbret fl-1 ta’ Mejju, 2017, meta l-Prim Ministru ħabbarha pubblikament.

Ifaħħar ix-xogħol li għamel Konrad Mizzi

Dwar jekk qattx wera li jixtieq li jingħata l-Ministeru għall-Intern wara l-elezzjoni tal-2017, huwa wieġeb fin-negattiv. Il-Ministru Michael Farrugia fuq dak li wettaq Konrad Mizzi, qal li dan għamel ħafna ġid għal Malta u ħallas għax żbalja billi tneħħa minn Deputat Prim Ministru.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet kif meta Mizzi, ma kienx tajjeb għall-Partit Laburista, iżda tajjeb għall-pajjiż, għax il-proġetti baqgħu f’idejh. Qal li anke għal pajjiż għamel ħafna u kien wieħed mill-aktar persuna li għamel xogħhol mqabblu ma’ kull amminstrazzjoni.

Dwar Johann Buttigieg, li kien inħatar Kap Eżekuttiv tal-MEPA meta l-Ministru kien Segretarju Parlamentari tal-Ippjanar, ix-xhud qal li jiddeskrivi lil Buttigieg bħala pragmatiku, u persuna li seta’ jitkellem magħha għax tagħtih pariri sostanzjali.

L-Avukat Comodini Cachia semmiet tweets tal-Ministru Farrugia, li fihom isemmi “bloggers” u “fake news.” Qal li hu ma kienx iqis li tippubblika Daphne Caruana Galizia kien ‘fake news’, iżda kien jissemma fil-blogg tagħha u ħafna mill-informazzjoni dwaru ma kinitx veritiera.

Qal li kien hemm ċirkostanzi fejn lanqas seta’ jmur jiekol x’imkien. Qal li kienu jittiħdul ritrattiu jispiċċaw fuq il-blogg. Dan kien ifisser li s-sigurta tiegħu kienet spiċċat f’periklu.

Dwar l-isklandlu tal-wind farms fil-Montenegro, qal li sar jaf biha meta din ħarġet fuq l-aħbarijiet ftit xhur ilu. Qal li kien mill-ewwel ikkuntattja lill-Enemalta għal investigazzjoni. Tenna wkoll li poġġa d-dokumentazzjoni kollha quddiem il-Parlament.

Lura għal meta huwa ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech fuq proġett ta’ reklamazzjoni ta’ art, ix-xhud qal li lil Yorgen Fenech ma laqqgħux ma’ persuni tekniċi biex jiddiskutu l-proġett tiegħu, u dan għaliex il-proġett tiegħu kien għadu ma ġiex approvat.

Qal li l-laqgħa dwar ir-riklamazzjoni tal-art, saret meta l-Gvern kien diġà ħareġ sejħa għal proġetti ta’ riklamazzjoni. Wara bdew isiru domandi mill-Avukat Jason Azzopardi, li bħal Therese Comodini Cachia, qed jidher għall-familja ta’ Caruana Galizia.

Staqsa jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkuntattjax lill-Ministru dakinhar tal-assassinju. Qal li kien kellmu wara li saret il-konferenza stampa, u kien infurmat bid-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li ta fir-rigward tal-pulizija barranija.

L-Avukat Azzopardi qal lil Ministru Farrugia li f’Novembru tal-2018 kien ġie kkwotat mill-istazzjon Taljan TG3 fejn qal li jittama li dawk responsabbli jinqabdu. Ftit jiem qabel, qal Azzopardi, kien sar magħruf minn Reuters u t-Times of Malta li sid 17 Black kien Yorgen Fenech.

Id-domanda ta’ Azzopardi lill-Ministru kienet jekk hemmx rabta bejn dak li sar magħruf u d-dikjarazzjoni tiegħu bħala Ministru tal-Intern. Ix-xhud qal li ma hemm l-ebda rabta.

L-Avukat Azzopardi jitlob għal kjarifka dwar l-impieg li ngħata Melvin Theuma fil-Ministeru tiegħu. Ħareġ li f’April tal-2017, Anthony Muscat kien Chairman tad-Dipartiment li fih ġie impjegat Melvin Theuma.

Fil-11 t’April, Muscat bagħat email lil Melvin Theuma mill-kont privat tiegħu biex jirringrazzjah tal-applikazzjoni tiegħu jinfurmah b’interview, u Theuma wieġeb. Hawn l-Avukat Azzopardi staqsa lill-Ministru jekk sarx jaf kif Theuma kkomunika ma’ Anthony Muscat.

Ix-xhud wieġeb blli qal li sa fejn jaf hu, it-talba saret permezz tal-Jobsplus, u li l-proċess mexa skont il-proċeduri. L-argument reġa’ waqa’ fuq Yorgen Fenech, fejn il-Ministru fuq domanda oħra ta’ l-Avukat Azzopardi sostna mill-ġdid li fil-laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech, huma ma ddiskutewx it-torrijiet tal-Imrieħel.

Il-bqija tax-xhieda fuq talba tal-istess Ministru Farrugia kompliet bil-magħluq. L-inkjesta tkompli nhar il-Ġimgħa meta mistenni jixhed Alfred Camilleri, Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ Edward Scicluna.