Lokali

“Il-Governanza kienet l-ikbar falliment tal-Gvern” – Bernard Grech

  • Iwiegħed li se jippubblika r-rapport tal-proċess ta’ due diligence dwaru

“Il-korruzzjoni taħtaf kollox: flok jasal għand in-nies, il-ġid jasal għand l-uħud, il-ħbieb. Jekk nibqgħu inħallu din il-korruzzjoni għaddejja, inkunu qed inwettqu disservizz lejn pajjiżna u lejn il-poplu tagħna. Irrid nerġa’ nkun kburi li jien Malti.”

Kliem l-Avukat Bernard Grech, li qed jikkontesta l-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Waqt intervista fuq  NET FM, Bernard Grech qal li l-Governanza kienet l-akbar falliment tal-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar seba’ snin.

Kompla li minbarra ritmu ekonomiku b’saħħtu, irridu niżguraw li ma nħallux nies jaqgħu lura, kif jidher li qed jiġri, hekk kif l-aħħar ċifri juru żieda fin-numru ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar.

Bernard Grech qal li filwaqt li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tkun pjattaforma ewlenija, m’għandniex nitkellmu fuqha biss. Min-naħa l-oħra, li ma titkellimx dwarha u li ma tagħmel xejn, mhix pożittività iżda medjokrità, omertà u kompliċità għax qatt ma rajna korruzzjoni daqshekk lampanti daqs dawn l-aħħar seba’ snin, tant li spiċċat biex inqatlet ġurnalista biex mingħalihom jagħlqulha ħalqha.

Dwar l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech wiegħed li hekk kif jitlesta l-proċess ta’ due diligence, hu se jkun qed jippubblika r-rapport li jingħata lilu.

Hu rrefera wkoll għall-inċidenti fil-qasam tal-kostruzzjoni. Bernard Grech sejjaħ biex ikun hemm inkjesta pubblika għax il-poplu għandu d-dritt li jkollu moħħu mistrieħ li l-affarijiet qed isiru sew u li kulħadd jista’ jgħix f’daru mingħajr biża’.

Mistoqsi dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fir-realtà l-ġdida tal-pandemija, l-Avukat Grech sellem lill-għalliema u lill-istudenti li qed iħejju għal sena oħra taħt ċirkostanzi mill-aktar diffiċli.

Hu jittama li ttieħdu l-opinjonijiet tal-esperti mhux biss ekonomiċi, iżda wkoll esperti mediċi, u li kulħadd jinsab on board f’dawn il-linji gwida, inkluż ir-rappreżentanti tal-għalliema u l-ġenituri.

Bernard Grech qal li l-Coronavirus se jibqa’ magħna sakemm ikollna vaċċin għalih. “Sadanittant ma nistgħux nibqgħu ġo bozza għax fl-aħħar xhur, nies batew mhux biss għax tilfu xogħol jew negozju, iżda anke mil-lat ta’ saħħa mentali.” Hu appella biex kulħadd isegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.