Lokali

“Il-ħtija ta’ Miriam kienet biss li kienet f’darha” – Repubblika

Sitt xhur ilu inqatlet Miriam Pace.  Il-ħtija tagħha kienet biss li hija kienet ġewwa darha waqt li maġembha kien hemm xi ħadd jagħmel il-flus.

Sitt xhur ilu inqatlet mara, omm, oħt, ħabiba, inqatlet waħda minna.

Dan qalitu l-organizzazzjoni Repubblika permezz ta’ stqarrija hekk kif għaddew sitt xhur mit-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace.

Fl-istqarrija tagħhom qalu li minkejja l-paroli u l-istqarrijiet kollha li saru, sal-lum ma għadu sar xejn biex ħaddieħor ma jinqatilx ġewwa daru fl-istess ċirkostanzi.

Sal-lum, il-Gvern li suppost huwa responsabbli, m’għamel xejn ħlief paroli u kumitat li ma smajna xejn aktar dwaru, sal-lum ma nbidel xejn.

Repubblika tistaqsi “Min jikkmanda f’pajjiżna? Jaqaw il-flus jiddettaw dak li jsir u ma jsirx?”

Repubblika tenniet li tistenna li l-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jwettaq dmiru.

L-NGO qalet li ma nesewx li fost l-ewwel laqgħat li Robert Abela kellu meta laħaq Prim Ministru kienet laqgħa mal-iżviluppaturi u fakkru lill-Prim Ministru Robert Abela li dmiru huwa lejn il-poplu Malti u mhux lejn min jagħti l-flus lill-partiti politiċi.