Edukazzjoni Lokali

“Irridu nissalvagwardjaw lill-vulnerabbli akkost ta’ kollox” – UPE

“Fl-ebda mument ma’ qbilna li jinfetħu l-iskejjel għad-detriment tal-edukaturi u studenti vulnerabbli”. Dan saħqitu l-Union of Professional Educators – Voice of the Workers b’reazzjoni għal pubblikazzjoni tal-protokolli bi tħejjija għal ftuħ tal-iskejjel f’inqas minn xahar ieħor.

Il-UPE saħqet li d-dokument ta’ 35 paġna ser ikunu qed jiġi diskuss b’mod dettaljat fis-sigħat li ġejjin sabiex jassiguraw li s-saħħa tal-għalliema tiġi mħarsa – madanakollu ingħad li mal-ewwel daqqa t’għajn jidher ovvju li hemm diskrepanzi sinnifikanti bejn dak li ingħad fil-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Professur Charmaine Gauci u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri.

L-Unjin insistiet li l-kontenut tad-dokument tal-linji gwida li ġie ppublikat tul il-jum tal-Erbgħa, ma kelliex aċċess għalieh qabel ma sar disponibbli għal pubbliku. Hija saħqet li qatt ma hija ser taqbel ma linji gwida li jpoġġu lill-membri tal-komunità fil-periklu.

Għaldaqstant, sostniet li jekk il-Gvern jirrifjuta li jipproteġi lill-edukaturi vulnerabbli, il-UPE ser tkun qed tieħu pożizzjoni b’saħħitha sabiex tissalvagwardjahom akkost ta’ kollox.