Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Linji gwida li jħallu aktar mistoqsijiet

Ħadd għadu ma jaf kif se jaħdmu l-bubbles fl-iskejjel. U ħadd għadu ma jaf kif se tinżamm id-distanza soċjali fil-klassijiet.

Wara diversi jiem ta’ stennija, sa fl-aħħar ġew ippubblikati l-protokolli – linji gwida li jridu jimxu magħhom l-iskejjel tal-pajjiż … linji gwida li huma deskritti li ma joffru xejn konkret kif jistgħu jiġu attwati.

Il-ġenituri qed ikunu mħeġġa jwasslu HUMA lit-tfal l-iskola … filwaqt li se tiġi emendata l-policy dwar l-attendenza, fejn mhux qed jiġi eskluż li jerġgħu jingħalqu l-iskejjel ladarba tiżdied l-imxija tal-Covid-19 fil-komunità, bl-edukazzjoni tissokta b’mod virtwali.

Dan huwa l-istess xenarju li gie ppreżentat waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Professur Charmaine Gauci u mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri, fejn l-unika ċertezza li ngħatat hi l-ilbies tal-maskri fl-iskola u fuq il-mezzi ta’ trasport, fejn għandha tinżamm distanza soċjali anke f’dawn il-vetturi.

Distanza soċjali li trid tinżamm ukoll fil-klassijiet, bid-distanza suġġerita hi ta’ metru u nofs bejn student u ieħor, u żewġ metri bejn l-edukaturi fl-istaff room.

Fil-linji gwida hemm ħafna possibilitajiet u xejn konkret … fosthom li t-tfal ma jkollhomx il-brejk f’daqqa, li ma jibdewx jew jispiċċaw l-iskola flimkien u anke li l-edukaturi jgħallmu lit-tfal nofshom fi klassi u n-nofs l-iehor fi klassi oħra – b’online learning.

Fil-linji gwida ntqal ukoll li s’issa għad hemm il-possibbiltà ta’ sistema hybrid jew sistema li t-tfal isegwu l-lezzjonijiet kompletament b’mod virtwali.

Fil-konferenza ntqal li qed jiġi kkunsidrat li x-xogħol tad-dar jingħata virtwalment mill-għalliema jew jingħata wara li jagħmel tlett ijiem kwarantina qabel ma jiġi kkoreġut u viċi versa.

Madankollu, dan ma jissemma’ mkien fil-linji gwida.

Sadanittant, il-ġenituri huma mħeġġa biex ma jibgħatux lit-tfal l-iskola meta jkunu ma jifilħux u possibilment, min joqgħod sa kilometru u nofs ‘il bogħod mill-iskola… jimxiha.

Fil-konferenza spikka n-nuqqas tal-Ministru Owen Bonnici, bil-Ministru ma jidher imkien għax fi kliem Frank Fabri stess “mhux tekniku”.

Fi stqarrija, il-Union tal-Ghalliema qalet li dak li tħabbar matul il-jum hu biss l-ewwel pass … u insistiet li l-pożizzjoni tal-MUT dwar il-ftuħ tal-iskejjel se tiddependi fuq l-implimentazzjoni tal-protokolli, kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-pandemija fil-ġimgħat li ġejjin.