Lokali Qorti

Kumpens ta’ €15,676 għal raġel li ttajjar waqt li kien qed iqassam l-ikel

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ordnat lil sewwieq ta’ vann jagħti kumpens ta’ €15,676 lil raġel ta’ 53 sena, li seba’ snin ilu waqt li kien qed iqassam l-ikel fuq mutur għal kumpanija privata spiċċa biex itajjar u spiċċa jsofri minn diżabilità.

Il-vittma kien ittieħed l-isptar u għamel perjodu fil-periklu tal-mewt. Ix-xufier li tajru nżamm responsabbli tal-inċident, liema każ seħħ fit-2 ta’ Ottubru 2013, għall-ħabta tal-11.15 p.m., waqt li Anthony Vassallo kien għaddej bil-mutur mill-Ħamrun fi triqtu lejn il-Floriana biex iqassam ikel tal-kumpanija Pizza Hut.

Huwa ntlaqat minn vann tat-tip Mercedes Vito misjuq minn Christian Cutajar li dak il-ħin kien għadu kemm ħalla d-dar tiegħu biex imur jiġbor xi turisti mill-ajruport.

Mit-testijiet li sarulu rriżulta li Vassallo kien sofra diżabilità ta’ madwar 49%. Vassallo kien beda proċeduri fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Cutajar fejn żammu responsabbli tal-inċident b’dan tal-aħħar sostna li kien ix-xufier tal-mutur li jaħti għal dak li ġara.

Ix-xufier  tal-mutur sostna fil-Qorti li kien is-sewwieq tal-vann li baqa’ ħiereġ minn triq sekondarja u ma setgħax jevitah mentri Cutajar qal li l-mutur kien ġej b’veloċità eċċessiva.

Wara li, fost oħrajn, sema x-xhieda tagħhom u ta diversi esperti li anke ppreżentaw il-pjanta tal-inċident l-Imħallef Mintoff iddikjara li huwa jemmen il-verżjoni ta’ Vassallo biex ikkundanna lil Cutajar jagħti kumpens lill-vittma ta’ €15,676..

Il-Qorti waslet għal dan il-kumpens wara li qieset diversi fatturi fosthom in-natura ta’ diżabilità li sofra Vassallo kawża tal-imsemmi inċident tat-traffiku.