Lokali Saħħa

“L-isptarijiet saru riskjużi kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-ħaddiema”; L-MUMN b’direttivi mil-lum

Il-ftehim li kien sar mat-Taqsima tas-Saħħa mhux se jiġi implimentat mis-Segretarju Permanenti; l-infermiera mhux se jingħataw it-12-il siegħa leave li ġew imwegħda

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN ordnat lill-Membri tagħha fl-isptar Mater Dei, fl-isptar Ġenerali t’Għawdex, fl-isptar Monte Carmeli, f’Karen Grech, f’San Vinċenz u dawk li jaħdmu fil-kura primarja, isegwu direttivi b’effett mil-lum.

Il-Union avżat lill-membri tagħha li l-Gvern mhux se jżomm kelmtu dwar il-ftehim li kien intlaħaq mat-Taqsima tas-Saħħa, li issa mhux se jkun implimentat mis-Segretarju Permanenti u għaldaqstant, infermiera, qwiebel, fiżjoterapisti u membri oħra tal-MUMN se jkollhom tnaqqis fil-pagi tagħhom jekk dawn intbagħtu fi kwarantina. Il-Union kompliet li it-tnax-il siegħa leave li kellhom jingħataw ukoll mhux se jingħatawlhom.

Il-Union qed tisħaq ukoll li minħabba n-nuqqas qawwi ta’ infermiera, l-isptarijiet saru riskjużi għall-pazjenti u għall-ħaddiema, meta fl-istess waqt hemm infermiera li jistennew li jiġu impjegati.

Din l-atitudni, qalet l-MUMN, turi li l-infermiera qed ikunu trattati ta’ ċittadini tat-tieni klassi.

Id-direttivi jitolbu li ma jsirx ħasil ta’ pazjenti, li pazjenti ma jkunux akkumpanjati minn infermiera għal x-rays, teatri tal-operazzjonjiet jew għall-outpatients, mili ta’ formularju għandu jkun limitat għal dak minimu, ikluż il-mili ta’ treatment charts u dawk taz-zokkor, u t-teħid ta’ demm għandu jitwaqqaf.

Il-lista tad-direttivi hija twila u tvarja minn sptar għal ieħor.

Ħaddiema tas-saħħa fl-isptar Sir Anthony Mamo Oncology Centre, fit-taqsima tal-Emerġenza, fir-Renal Unit, fit-taqsima tal-Pedjatrija tat-trabi, fil-Kura Intensiva, fid-Delivery Suite u fis-swali Pedjatriċi huma eżentati minn dawn id-direttivi.

Intant fl-aħħar ġimgħat il-UĦM kienet issospendiet id-direttivi li kellha fl-isptarijiet, bl-unika waħda li tibqa’ fis-seħħ hija dik li titlob li xufiera tal-ambulanzi ma joħorġux mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn infermier.