Coronavirus Lokali

“Missieri ġie rilaxxat bis-sintomi tal-COVID-19” – iben it-13-il vittma

“Missieri ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei bis-sintomi tal-COVID-19, u min ħa din id-deċiżjoni għandu jerfa’ r-responsabbilità.”

Sostna dan Charles Cauchi, iben Michael Cauchi, r-raġel ta’ 89 sena mill-Isla li tilef ħajtu fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu. Biex imbghad, ssegwentament, l-iswab test li sarlu irriżulta fil-pożittiv.

Iben it-tlettax-il fatalità tal-virus f’pajjiżna spjega ma’ Net News li waqt li missieru kien ilu ġimgħa d-dar fi kwarantina, wara li kellu kuntatt ma xi ħadd li ttestja pożittiv għal virus, huwa sfortunatament sofra minn attakk ta’ puplesija – mal-wasla tiegħu l-isptar sarlu swab test li rriżulta fin-negattiv. Madanakollu,  malli uliedu ġabruh mill-Isptar raw xena differenti milli stennew… u f’inqas minn 24 siegħa tilfu lil missierhom.

“It-tnejn fl-10.15 ta’ filgħodu missieri kellu is sintomi – bejn is 7.15 u s-7.30 ta’ filghaxija missieri ntilef minn sensieh, ma baqax jikkomunika,” qal Charles. “Daħħalnieh l-emerġenza bl-ambulanza, dahhalnieh fil-cubicle, f’nofs illejl u 23 minuta miet – dik hi l-istorja kollha.”

Charles Cauchi sostna li mal-wasla tiegħu l-Isptar, l-esperti mediċi wettqu testijiet meħtieġa fuq missieru, apparti l-iswab test, fejn ħareġ li kellu infezzjoni qawwija fil-pulmun  – dan ftit tas-sigħat wara li kien rilaxxat mill-istess sptar.

Cauchi, li preżentament qieghed kwarantina flimkien mal-mara tiegħu li qed tistenna tarbija, saħaq li jinsab iddispjaċut dwar il-fatt li missieru kellu jmut b’dan il-mod…. u anke fuq kif kellu jsir jaf li huwa seta’ kien ta’ periklu għal ħaddieħor.

“Ċempilna l-kamra mortwarja biex ngħidulhom fi xhin ha ngħaddu bil-ħwejjeġ l-għada, u qalulna li għandhom problema għax jaf kien positive bil-COVID-19,” qal Charles. “Jien ċempilt is-sala fejn kien l-M1, ikkuntattjani l-konsulent li kien miegħu, qalli iva jiddispjaċini għaliex missierek ġie positive għal covid. U jien għidtlu mela għaliex battuh bis-sintomi? Qalli bis-sintomi? Għidtlu iva, missieri beda jisgħol.”

“Li kieku ma ċempilniex aħna l-kamra mortwarja biex immoru bil-ħwejjeg u qalulna minn hemm kieku ahna bqajna nohorgu u niltaqghu man-nies,” kompla jgħid Charles Cauchi.

Huwa saħaq li minkejja dak kollu li kien għaddej minnu xorta waħda ħassu responsabbli li jinforma lit-tim mediku tal-ambulanza li għen lil missieru fl-aktar żmien diffiċli l-għaliex ħassu fi dmir li jinformahom li l-papà kien ittestja pożittiv.

Charles Cauchi esprima r-ringrazzjament tiegħu wkoll għal infermiera partikulari li għenet lil missieru wara li tħalla f’kuridur bejn ħajja u mewt għal aktar minn siegħa, qalb pazjenti oħra.

“Ċempilt jiena l-ambulanzi biex ngħidilhom li min ġie għal missieri li kien positive,” qal Charles. “Biex jieħdu azzjoni ghax dawn ser jiltaqgħu ma pazjenti ohra u mal-familjari tagħhom. Din weġa’ għalijja li tara lil missierek imut b’dak ilmod, b’dak il-mod mhux dinjituż, qed imut ġo kuridur, u li ma sibtx nurse b’ruħ tajba li kellem lit-tabib u daħluh fil-cubicle – missieri kien imut ġo area fejn hemm in nies … hemm pazjenti oħra…”

Huwa qal li kien ilu tlett ijiem jipprepara sabiex lil missieru jkun jista’ jakkomodah b’dak kollu li kellu bżonn b’tagħmir varju bħal siġġu tar-roti… u ankè kien qabbad carer sabiex tieħu ħsiebu f’kull ma kien jeħtieġ wara l-attakk li sofra ftit tal-jiem qabel – madanakollu ma stenniex li t-tarbija li qed jistenna kienet ser titlef lil nannuha ftit tas-sigħat wara li reġa’ ħaddan lil missieru bejn dirajgħ.

Charles sostna li huwa skorrett dak li ntqal fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa li missieru ġie rilaxxat mingħajr sintomi, u għaldaqstant huwa aktar u aktar ta’ tħassib li ħadd ma ntebaħ li lil missieru bagħtuh id-dar bis-sogħla. Għalhekk iben Michael Cauchi insista li għandha ssir ġustizzja ma’ missieru.