Lokali Qorti

Mixli li seraq aktar minn 100 air-conditioner mill-kumpanija fejn kien jaħdem

Ħaddiem ta’ kumpanija li timporta oġġetti tad-dar ġie mixli b’serq ta’ aktar minn 100 air-conditioner għad-dannu tal-kumpanija li kienet tħaddmu. Daniel Zammit ta’ 36 sena minn San Ġwann ġie mixli b’serq aggravat u bil-valur wara li allegatament skont il-Prosekuzzjoni seraq 107 air-conditioner mill-kumpanija OK Group bejn Marzu tal-2018 u Frar tal-2019.

Quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia, Zammit li kien jaħdem mal-kumpanija bħala ‘salesman’ wieġeb mhux ħati u ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €10,000.

Id-difiża qed tikkontesta dak li qed tgħid il-Prosekuzzjoni, li minn naħa tagħha qed tikkontendi li l-akkużat tressaq fuq serq ta’ madwar 20 air- conditioner u li iżda minn aktar investigazzjoni rriżulta li nsterqu aktar.

L-Ispettur Shaun Pawney mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Ryan Ellul u Andy Ellul deheru għal Zammit.