Minkejja li qed joħorġu iktar dettalji dwar il-qrubija ma’ Yorgen Fenech u saħansitra ssejjaħ u qed jiġi interrogat mill-Pulizija taħt twissija, il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ jiddefendi lil Joseph Muscat.
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk il-pożizzjoni tiegħu għadhiex tenibbli, Robert Abela wieġeb li Muscat m’għandu l-ebda kariga fil-Gvern.
Meta dan l-istazzjon staqsieh jekk allura Muscat m’ghandu l-ebda kariga dan ifisser li m’għadux konsulent tiegħu, il-Prim Ministru wieġeb li Muscat qatt ma kien konsulent.
Iżda ħafna jiftakru kif fil-bidu ta’ Mejju, l-eks Prim Ministru deher dieħel f’Kastilja għal laqgħa twila ma’ Robert Abela. Dakinhar, Abela qalilna li hu jikkonsulta ma’ kulħadd u juża’ t-talenti ta’ kulħadd.
Anki l-ġurnali kienu filfatt irrimarkaw li Joseph Muscat irritorna, iżda bħala konsulent dwar l-effetti ekonomiċi tal-Covid-19.
Sadanittant, waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-Kamra tal-Kummerċ, Robert Abela ħabbar li l-Wage Supplement ġie estiż għal xahar sal-aħħar ta’ Ottubru. Ġie estiż ukoll b’xahar, iż-żmien li wieħed jista’ jsarraf il-vouchers li nħarġu fil-bidu ta’ dan is-Sajf.
//= $special ?>