Lokali

Owen Bonnici sfiduċjat minn Kastilja

Fl-aħħar ġimgħat… kienu ħafna l-edukaturi u l-ġenituri li esprimew il-frustrazzjoni tagħhom għall-mod kif il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici qed jidderieġi…jew jonqos li jidderieġi…lill-iskejjel dwar kif se jiftħu fl-eqqel tas-sitwazzjoni instabbli marbuta mal-pandemija.

Issa… jidher ċar li anke fi ħdan il-Gvern stess qatgħu qalbhom li l-Ministru jista’ jikkontribbwixxi f’dak li hu d-dekasteru tiegħu… u f’laqgħa li ssejħet għall-iskejjel privati, propju f’Kastilja…. li kellha l-għan li tikkonsulta dwar il-protokolli għall-ftuħ tal-iskejjel, il-Ministru Bonnici lanqas biss lissen kelma.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-laqgħa kienet indirizzata minn Clyde Caruana… iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.. kif ukoll mill-Professur Charmaine Gauci… bis-Segretarju Permanenti Frank Fabri wkoll jagħmel intervent… imma l-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni baqa’ fommu magħluq.

Mhux magħruf għalfejn il-laqgħa kienet indirizzat minn Clyde Caruana… li huwa ekonomista… filwaqt li l-Ministru tħalla totalment sieket.

Prezenti ghal-laqgha f’Kastilja ….li ssejhet b’urgenza…kien hemm rapprezentanti ta’ skejjel privati, skejjel tal-knisja, u genituri li ghandhom uliedhom f’dawn l-iskejjel.

Diversi minn dawk li kienu preżenti għall-laqgħa f’Kastilja ilmentaw li din kienet laqgħa ta’ informazzjoni fejn kienu ppreżentati bi proposti lesti… u fejn ma ttieħdu l-ebda proposti tal-iskejjel infushom.

Uħud qalu li d-distanzi se jagħmluha impossibbli biex in-numru ta’ studenti li ssoltu jkunu fi klassi jinżammu f’kamra waħda… b’hekk se tinħoloq problema…kemm ta spazju imma anke ta’ għalliema jekk il-klassijiet ikollhom jinqasmu.

U fl-isfond ta’ dan kollu…. Owen Bonnici baqa’ ċass… biex kellu jieħu r-riedni f’idejh iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.