Lokali Qorti

Raġel akkużat bil-qtil ta’ ibnu kien jaf x’inhu jagħmel meta spara

Ir-raġel akkużat bil-qtil ta’ ibnu kien kompletament konxju ta’ l-azzjonijiet tiegħu u jinsab fi stat tajjeb biex jgħaddi ġuri, dan skont il-psikjatra maħtur mill-Qorti. Fi tmiem is-seduta, wara li semgħet ix-xhieda tal-espert Psikjartriku mqabbad mill-Qorti ġie deċiż li hemm biżżejjed evidenza biex Salvu Dalli jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

Dalli ta’ 68 sena jinsab akkużat li spara lil ibnu Antoine, ta’ 37 sena kiesaħ u biered fis-7 ta’ Awwissu li għadda fid-dar tiegħu ta’ Ħal Għaxaq. Antoine instab mejjet taħt id-doċċa wara li sofra minn sparatura waħda fl-istonku.

Il-Psikjatra George Debono qal lill-Maġistrat Marseanne Farrugia li għalkemm ma kienx miegħu fil-ħin tal-isparatura, mill-esperjenza tiegħu u minn dak li qallu waqt l-eżami tiegħu, huwa seta’ jikkonkludi li Dalli kien fis-sensih sew fil-ħin tal-kummissjoni. tar-reat.

Debono qal li Dalli kien qed jirċievi kura għad-dipressjoni u l-ansjetà, probabbilment minħabba r-relazzjoni diffiċli li kellu ma’ wieħed minn uliedu. Fis-seduti preċedenti, il-Qorti semgħet kif il-missier kien ippreżenta diversi rapporti lill-Pulizija fejn sostnew li kien aggredit u mhedded minn ibnu u saħansitra semma dan mal-psikjatra.

“Kif kien l-istat mentali tiegħu f’dak il-mument partikolari huwa diffiċli li jingħad imma minn kif irrakkonta l-avveniment, ma kienx miġnun. Huwa qalli li kien fis-sodda meta sema’ kif iben jagħti daqqa ta’ sieq lill-bieb ta’ barra u sema’ jiġri fit-taraġ jgħid “Jiena se noqtlok”.

“Huwa kien beżgħan. Qalli li qatt ma ried joqtlu wara li ħa ħsiebu u ż-żewġ ulied l-oħra tiegħu għal ħajjithom kollha imma beża’ għal ħajtu,” qal Debono fil-Qorti.

Il-Psikjatra qal li staqsieh għaliex ma messux ma kkarġax l-arma minflok wettaq l-isparatura biex ibeżża’ lil ibnu u mingħajr ma tgħabbih. Għal dan Dalli qallu li ma għamilx hekk għax ibnu kien jinduna li ma kien hemm l-ebda skartoċċ ġewwa l-pistola.

Meta mistoqsi b’mod espliċitu mill-Qorti u anke mill-Avukat Francesca Zarb li qed tidher għan-nom tal-familja tal-vittma, Debono qal li Dalli huwa tajjeb biex jgħaddi ġuri. “Huwa kien jaf x’qed jagħmel u kien jaf il-konsegwenzi ta ‘l-azzjonijiet tiegħu.”

Minkejja oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni u l-Avukati parte civile, il-Qorti laqgħet talba tad-difiża biex il-Qorti taħtar tabib biex jeżamina lill-klijent tagħhom fiżikament, u relatat mas-saħħa fiżika u n-nuqqas ta’ mobbiltà tiegħu. Dalli fil-fatt jimxi bl-użu ta’ bastun. Il-każ ikompli f’Ottubru.

L-Ispettur tal-Pulizija Roderick Attard mexxa l-Prosekuzzjoni. L-avukati Lennox Vella u Marisa Mifsud dehru għall-akkużat filwaqt li l-avukati Franco Debono, Kathleen Grima u Francesca Zarb dehru parte civile għall-familja tal-vittma.