Lokali

“Sitt xhur wara, Xejn” – Adrian Delia

Il-mewt ta’ Miriam Pace ma tistax tgħaddi u tintesa’ u l-politiċi għandhom l-obbligu li jaraw li qatt aktar ma jseħħu traġedji oħrajn bħal din fejn jintilfu l-ħajjiet.

Fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hekk kif għaddew sitt xhur mill-mewt ta’ Miriam Pace, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed terġa’ tappella għal inkjesta pubblika dwar din it-traġedja, wara li f’April li għadda kienet ressqet mozzjoni parlamentari ffirmata mid-Deputati Claudio Grech u Robert Cutajar u minnu stess sabiex issir inkjesta pubblika. Liema mozzjoni sal-lum baqgħet qatt ma ttellgħet quddiem il-Parlament, minkejja d-diversi appelli li saru fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

Għalhekk l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ tesiġi li għandha ssir inkjesta pubblika, li għandha tistabbilixxi x’wassal għat-traġedja li fiha tilfet ħajjitha Miriam Pace, jekk sarx dak kollu li kien possibbli mill-Gvern u l-awtoritajiet tiegħu skont il-liġi u jekk din it-traġedja setgħetx ġiet evitata milli sseħħ. 


“Li kieku l-Gvern ma kienx injora s-sinjali wara l-każijiet l-oħrajn ta’ tiġrif li kienu seħħew matul ix-xhur ta’ qabel din it-traġedja setgħet ġiet evitata, u għalhekk ukoll l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tibqa’ tisħaq li din hi responsabbiltà politika li l-Gvern Laburista għandu jġorr,” sostna Adrian Delia.


L-Istqarrija ttemm li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ impenjat li jwassal l-aqwa rakkomandazzjonijiet u proposti għas-settur tal-kostruzzjoni u se jibqa’ jinsisti fuq miżuri biex jissaħħaħ l-infurzar biex jinqata’ l-abbuż.