Il-Fondazzjoni Inspire qed terġa’ ddur għall-ġenerożità tal-Maltin hekk kif quddiemha għandha l-proġett ambizzjuż ta’ manutenzjoni tal-pixxina li tintuża bħala forma ta’ terapija.
Il-pixxina, li tinsab fil-kumpless ta’ Wied il-Għajn, hija twila 25 metru u kompletament aċċessibbli.
Din toffri numru kbir ta’ benefiċċji lil persuni b’diżabilità, għaliex tgħin ittaffi l-uġiegħ, tgħin fil-funzjoni tal-ġisem u tistimula s-sensi.
Din il-pixxina tintuża minn tfal u adulti b’diżabbiltajiet fiżiċi u intellettwali li jagħmlu użu mis-servizzi u l-programmi tal-Fondazzjoni Inspire, kif ukoll minn individwi oħra li jistgħu jibbenefikaw minn din il-forma ta’ terapija.
Il-pixxina hija mħaddma minn sistema li ilha eżistenzi għal numru ta’ snin u għalhekk il-Fondazzjoni jkollha numru ta’ spejjeż konsiderevoli, inkluż għaliex is-sistema qed toħloq problemi ripetuti li tikkawża problemi fil-provvista tas-servizz.
Il-pjan tal-Fondazzjoni huwa li dan it-tagħmir jinbidel kompletament għal wieħed li hu aktar effiċjenti fl-enerġija u favur l-ambjent, bi spiża li taqbeż €230,000.
“Is-sitwazzjoni fix-xhur li għaddew ippreżentat sfida finanzjarja għall-Fondazzjoni tagħna. Aħna nkomplu niddependu fuq id-donazzjonijiet biex inkunu nistgħu nkomplu nipprovdu s-servizzi tagħna u biex nimxu ’l quddiem bi proġetti bħal dawn,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Antonello Gauci.
Nhar il-Ħadd 6 ta’ Settembru, se jsir programm speċjali “Jien Suċċess”, li se jixxandar fuq ix-xandir nazzjonali mit-3 ta’ waranofsinhar ‘il quddiem.
Il-Programm se jinkludi intervisti ma’ ġenituri ta’ individwi li jibbenefikaw mill-programmi u servizzi tal- Fondazzjoni Inspire, intervisti ma dawk li jaħdmu fi ħdan il-Fondazzjoni u filmati li juru x-xogħol li jitwettaq.
It-tema “Jien Suċċess” intgħażlet minħabba li tiddeskrivi perfettament il-ħsieb ewlieni tal-Fondazzjoni Inspire – li kulħadd għandu jingħata ċ-ċans li jirnexxi u li jilħaq il-potenzjal tiegħu. Ikunu xi jkunu l-isfidi, il-kundizzjonijiet jew id-diżabilità, kulħadd għandu d-dritt li jirnexxi.
Il-Fondazzjoni Inspire tipprovdi servizzi terapewtiċi, edukattivi ,u oħrajn lil tfal u adulti b’diżabilitajiet fiżiċi u intelletwali. Fix-xhur li għaddew, il-Fondazzjoni ntlaqtet finanzjarjament mill-pandemija globali, minħabba sospensjoni f’diversi attivitajiet biex jinġabru fondi.
Biex wieħed jgħin, jista’ jagħti donazzjoni fuq is-sit tal-Fondazzjoni Inspire jew billi wieħed jibgħat SMS fuq 5061 8080 – €4.66 | 5061 8926 – €6.99 | 5061 9215 – €11.65 jew iċċempel fuq 5160 2013 – €10 | 5170 2014 – €15 | 5180 2016 – €25
//= $special ?>