Lokali

Ċertezza politika bi pjan serju u bi djalogu għall-miżuri tal-COVID – PN

L-għajnuna finanzjarja hija meħtieġa u bżonnjuża għas-self employed u s-sidien tan-negozji u l-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjoni li l-Gvern laqa’ s-suġġerimenti li ilu jagħmillu l-PN u jagħti għajnuna f’kumpens għall-ħlas tal-kontijiet tad-dawl. Madankollu, il-PN jinnota li din il-miżura, f’dan il-waqt fejn it-take home wage naqset għal ħafna ħaddiema, kellha wkoll tkun mifruxa fuq iktar negozji u mhux il-ftit, kif ukoll fuq il-familji u l-anzjani, hekk kif il-konsum domestiku ma traħħasx.

Permezz ta’ stqarrija Edwin Vassallo kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi, Kristy Debono Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, is-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej
Ryan Callus Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma intqal li għaldaqstant, il-problemi u d-diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw is-self employed u s-sidien tal-negozji jmorru lil hinn minn Ottubru u dan kollu diġa’ qed joħloq inċertezza fis-suq għall-istaġun tax-xitwa partikolarment għal żmien il-Milied. Ħafna negozji u self employed huma inkwetati ħafna bil-mod kif qed jonqsilhom il-bejgħ u l-kummerċ qed jonqos.

Il-mod kif qegħdin jittieħdu l-miżuri fir-rigward tal-COVID-19 mhux qegħdin isiru bi pjan serju u bi djalogu mal-istakeholders kollha u dan kollu qed joħloq inċertezza kbira fil-komunita’ kummerċjali. Dan in-nuqqas ta’ pjan fit-tul qed jinħass sew u qed iwassal għal inċertezza fl-ippjanar għal min qiegħed fin-negozju, u li ma tistax tippjana għal għada għaliex ma tafx x’inhu ġej hija l-ikbar problema għal kull self employed u sid ta’ negozju.

Għalhekk il-PN qed iħeġġeġ lil Gvern Laburista sabiex jippjana pakkett ta’ għajnuna li jmur lil hinn minn Ottubru li ġej. Illum is-sitwazzjoni hija ħażina u n-negozji spiċċaw jistrieħu fuq il-miżuri tal-vouchers, proposta oħra li kien ressaq il-PN. Aħna se nibqgħu insegwu fil-qrib lis-self employed u s-sidien tan-negozji f’dan il-mument diffiċli. Huwa għalhekk li l-PN se jibqa’ jħeġġeġ lil Gvern Laburitsa biex jieħu bl-ikbar serjetà din il-problema u jara kif se jgħin qabel ma jkun tard wisq għaliex riċessjoni għal pajjiżna taf qegħda wara l-bieb. 

Jeħtieġ li l-Gvern joffri għajnuna konkreta li taghmel tajjeb għat-telf tan-negozju għall-istaġun tax-xitwa li ġejja, li tista’ tkun il-bidu ta’ kriżi fejn naraw iktar negozji li jkollhom jagħlqu għaliex ma jkunux jifilħu jibqgħu bil-bibien tagħhom miftuħa.