S’issa jidher li m’hemm ebda ħsieb li jitqassmu maskri b’xejn għat-tfal tal-iskola.
U minkejja li l-Ministru Chris Fearne qed jinsisti li l-Gvern ibbaża l-mudell tiegħu fuq dak li qed jagħmlu pajjiżi oħra Ewropej, dwar il-maskri, żgur li mhuwiex jimxi bl-istess mod bħall-Italja.
Dan għaliex il-Gvern Taljan se jkun qed iqassam fl-iskejjel mal-11-il miljun maskra tal-wiċċ kuljum, kemm għat-tfal u anke għall-għalliema.
F’kummenti lil Net News, il-Ministru tas-Saħħa insista li l-Gvern qed jimxi bħall-bqija tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u minkejja din l-istqarrija, Fearne ma kienx lest jikkommetti ruħu jekk il-Gvern hux lest li jagħti maskri protettivi lit-tfal tal-iskola.
Id-Deputat Prim Ministru skarta wkoll numru ta’ domandi oħrajn li saru minn Net News fosthom, jekk hux sigur li t-tfal żgħar ineħħu l-maskra, u x’se jiġri mill-għalliema u l-istudenti vulnerabbli, fosthom dawk li qed jiehdu trattament għall-kanċer.
Dan jixhed il-konfużjoni sħiħa li ħoloq il-Gvern bit-tħabbira tal-ftuħ tal-iskejjel, li ġabet rabja kbira fost l-għalliema u l-ġenituri tal-istudenti.
Chris Fearne ma wiġibx lanqas għaliex fis-Sekondarja, il-protokolli jinjoraw għalkollox il-kunċett tal-bubbles bejn grupp u ieħor ta’ studenti, bl-istudenti se jibqgħu jbiddlu l-klassi u jpoġġu fuq bankijiet differenti minn lezzjoni għal oħra
//= $special ?>