Internazzjonali Lokali

COVID-19: L-infezzjonijiet fl-Ewropa lura għal-livelli ta’ Marzu

Andrea Ammon, li tmexxi lill-aġenzija għas-saħħa pubblika tal-Unjoni Ewropea, qalet li l-ammonit tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 fl-Ewropa irritornaw għal-livelli ta’ Marzu, meta l-coronavirus kien beda jaħkem sew fil-kontinent.

Ammon għamlitha ċara li ‘dan il-virus ma jorqodx matul is-sajf’ u ‘lanqas ma jieħu vaganza’, fost enfasi biex in-nies ma jittraskurawx u jibqgħu jirrispettaw il-miżuri tas-social distancing.

L-aħħar data qed turi li – madwar l-Ewropa – hemm medja ta’ 46 każ ta’ infezzjoni għal kull 100,000 persuna. F’Marzu wkoll kien hemm 40 każ għal kull 100,000 – bir-rata tal-infezzjoni, imbagħad, titla’ għal 70 għal kull 100,000 sal-aħħar ta’ April.

Il-każi ġodda ta’ infezzjoni bil-Covid-19, illum, qed jinvolvu l-aktar liż-żgħażagħ – madankollu Ammon qalet li l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel mhux neċessarjament għandu jimponi element qawwi ta’ sogru.

L-aħħar rapporti qalu li, f’termini globali, kien hemm ‘il fuq minn 26 miljun każi konfermati tal-Covid-19 mindu feġġet il-pandemija u li minnhom irriżultaw 863,000 mewta.

Fi żviluppi oħra…

L-Indja tinsab viċin li tgħaddi n-numru totali ta’ infezzjonijiet fil-Brażil, meta rappurtat madwar 84,000 każi ġodda tal-coronavirus.

Is-sistema tat-testijiet għall-Covid-19 fl-Ingilterra qed tbati biex tlaħħaq mad-domanda – b’numru dejjem aktar ta’ ċittadini qegħdin japplikaw għal swabs.

Intant, fir-Renju Unit, il-personalitajiet ewlenin fis-settur tal-avjazzjoni esprimew frustrazzjoni għall-fatt li l-Gvern Britanniku għadu ma appoġġjax sistema ta’ testijiet għall-coronavirus fl-ajruporti.

Waqt li Franza qed tiffaċċja riperkussjonijiet kbar ekonomiċi u fis-settur tax-xogħol, il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, qed iniedi ‘pjan għall-irkuprar waqt il-kriżi tal-Covid-19’li hu ekwivalenti għal 100 biljun ewro – u bil-ħsieb li jinħolqu mal-160,000 impjiegi fl-2021. Il-pjan jesiġi għal investiment ‘fis-setturi tal-futur’  fost impenji biex jevitaw it-telf tal-impjiegi b’kaġun tal-kriżi.

Spanja rreġistat aktar minn 3,660 każ ieħor tal-Covid-19 f’perjodu ta’ 24 siegħa – bil-Gżejjer Kanarji qed jissemmew bħala ‘zona għal tħassib partikulari’.  Waqt li kien hemm influss kbir ta’ immigranti f’dawn il-gżejjer, hemm ukoll rapporti dwar erba’ inċidenzi tal-virus fiċ-ċentri li qed iżommuhom.