Lokali Qorti

Daniel Muka kien liebes waħda mill-ġiżirajjen ta’ Pandolfino meta ġie arrestat

Meta Daniel Muka ġie arrestat fil-Floriana huwa kien liebes katina tad-deheb ta’ Pandolfino u li x’aktarx kienet dik milbusa mill-vittma meta huwa nqatel fir-residenza tiegħu.

Dan ħareġ mid-depożizzjoni tal-Ispettur James Grech meta kien qed jixhed fil-bidu tal-kumpilazzjoni fejn l-istess Muka qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema.

Meta semgħu din il-parti tax-xhieda l-qraba ta’ Pandolfino li kienu preżenti fuq in-naħa ta’ wara tal-awla, viżwalment esprimw l-istmerrija tagħhom għal dan il-fatt. Huma deheru mhux komdi ferm u b’dieqa kbira fuq fommom. Sadanittant wara li semgħet dak li kellha tgħid il-Prosekuzzjoni, l-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex Muka jitqiegħed taħt att ta akkuża.

James Grech ta rakkont dettaljat ta’ kif seħħew l-affarijiet u kif il-Pulizija rnexxielha ssolvi l-każ, fosthom grazzi għal diversi CCTV cameras li ġew elevati. Għenu wkoll fl-investigazzjoni l-lokaliżazzjoni tal-mobajls, fosthom dak tal-akkużat.

Dawn urew li flimkien ma’ żewġ persuni oħra kienu fi Triq Locker fejn sar id-delitt u anke deheru jaħarabu minn fuq il-post u mid-diversi toroq li għaddew sakemm ħallew il-karozza f’parkeġġ li jiġi taħt l-isptar San Luqa.

Żewġ ġirien infurmaw ukoll lill-Pulizija li raw tliet persuni deħlin u ħerġin mir-residenza ta’ Pandolfino fejn seħħ id-delitt u wara fi spazju qasir ħarbu minn fuq il-post. Il-Pulizija rċeviet ukoll informazzjoni li persuna twila, li rriżulta li kien Muka kienet qed toqgħod f’post abbandunnat fil-Floriana.

Tant kemm il-każ huwa wieħed jaħraq li l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia laqgħet talba tad-difiża biex l-istqarrija li l-akkużat Muka ta lill-Pulizija tinqara mingħajr il-preżenza tal-ġurnalisti, u dan mhux l-aktar għas-sigurtà tal-akkużat, imma wkoll għas-sigurtà tal-istess avukati li qegħdin jiddeffendu lill-Albaniż.

L-Ispettur James Grech beda bix-xhieda tiegħu billi qal li fit-18 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-10.30pm. kien infurmat mill-control room tal-Pulizija li kien seħħ inċident ta-Sliema li dan kien jikkonsisti fi sparaturi fi Triq Locker tas-Sliema.

Huwa kien infirmat li tliet persuni kienu ħarbu fuq il-post wara li kienu sparati xi tiri. Ix-xhud tenna li kien infurmat bl-isparaturi u li t- tliet irġiel kienu daħlu fir-residenza bejn l-10.19pm u l-10.23pm u  ħarbu n’karozza Volkswagen bajda.

Qal li Pandolfino nstab fid-daħla tad-dar fil-ħwejjeġ ta’ taħt u tenna li li l-vittmi kienu magħrufa li jilbsu ġiżirajjen tad-deheb. Qal li t-taqlib fuq il-post kien minimu bil-qattiela jisfurzaw il-bieb biex infetaħ.

L-Ispettur Grech qal li ħames tiri ġew sparati fid-direzzjoni ta’ Pandolfino u li wisq probabli Maciejowski kien nieżel it-taraġ wara li sema’ l-isparaturi u spiċċa nqatel permezz ta’ tir wieħed f’moħħu li kien sparat minn isfel għall-ewwel sular.

L-Ispettur Grech qal ukoll li kienu appuntati espert tal-armi tan-nar u espert sabiex dwar l-filmati tas-CCTV u l-mobajls. Għal dawn tal-aħħar kien appuntat l-espert Martin Bajada fejn irriżulta li Pandolfino deher jasal lura d-dar minn barra fl-10.10pm u dan f’jum id-delitt li seħħ fit-18 ta’ Awwissu li għadda.

Fl-10.13pm deheret ipparkjata l-karozza użata mit-tliet suspettati ftit metri ‘l bogħod mid-dar. Deher raġel twil u ieħor qasir u imbaċċaħ jidħlu fir-residenza. Ir-raġel qasir, li kien liebes qalziet bl-istrixxi u maskra fuq wiċċu, deher jidħol fil-karozza u jerġa’ jirritorna fid-dar mat-tielet persuna. Qal li ħarġu fi temp ta’ erba’ minuti minn mindu waslu.

Qal li l-pjanċi nsterqu fit-3 ta’ Awwissu tal-2020. Fil-fatt l-Ispettur ippreżenta rapport ta’ serq ta’ pjanċi tal-karozza misruqa. Tenna li jista’ jkun li s-suspettati għamlu użu ta’ karozza oħra misruqa, bil-pjanċi misruqa wkoll u għax dawn dehru fuq filmati tas-CCTV fl-14 ta’ Awwissu tal-2020.

Ix-xhud kompla jispjega li wara t-tiri, it-tliet irġiel saqu l-karozza minn Triq Tigne, lejn Triq it-Torri u ħarġu mill-Kappara. Qal li l-filmati tas-CCTV rnexxielhom jaqbdu l-karozza tinstaq minn Santa Venera qabel ma marret il-Furjana.

Huma kienu l-Furjana f’temp ta’ 10 minuti wara l-isparaturi. Il-karozza nstabet f’parkeġġ viċin tal-Isptar San Luqa fejn fuqha kellha pjanċi differenti minn dawk li dehru fil-filmati.

Grech qal li fil-karozza l-Pulizija sabu handbag u parrokka, replika ta’ arma tan-nar tat-tip AK47, replika ta’ arma tan-nar Thompson u l-pjanċi tal-karozza li ntużaw fid-delitt.

It-tliet irġiel inqabdu jimxu fi Triq l-Ursolini minn kameras tas-CCTV fil-Pietà u niżlu lejn il-bus stop tax-Xatt tal-Imsida, b’wieħed mis-suspettati jidħol f’ħanut tal-kafe u staqsa għall-password tal-Wifi. Wara t-tliet irġiel rikbu f’taxi.

Qal li hemm filmati tat-tliet irġiel mexjin lejn il-Furjana. Raġel twil jidher jixrob l-ilma u kien liebes appoġġ għall-minkeb. L-Ispettur għaraf lir-raġel it-twil bħala Daniel Muka.

L-akkużat kien mar jiffirma l-bail book fl-għassa tal-Pulizija tal-Belt liebes appoġġ għal minkbejh u hawn saret il-konnessjoni. Ix-xhud beda wkoll jippreżenta ritratti lill-Qorti bħala prova.

Qal li l-filmati tas-CCTV minn ħwienet, xarabankijiet u postijiet oħrajn kienu kruċjali biex l-irġiel jinstabu. L-Ispettur qal li jaf lil Muka minħabba każi preċedenti tiegħu, kellu n-numru tal-mobile tiegħu u talab lill-fornituri tas-servizz telefoniku biex jipprovdu lill-pulizija bit-telefonati li saru min-numru.

Mill-informazzjoni qal li jidher li l-mobile kien mitfi waqt il-ħin tad-delitt. Il-mobile inxtegħel fl-10.22pm u qabad mal-antenna ta’ Portomaso fit-18 ta’ Awwissu. Sostna li l-frekwenza tal-mobile inqabdet ukoll minn antennas fil-Gżira, fosthom minn lukanda li tinsab f’din il-lokalità.

Ix-xhud qal li Muka baqa’ jiffirma sal-21 ta’ Awwissu fuq każ ieħor li kellu. Hu waqaf imur jiffirma meta l-Pulizija sabu l-karozza u li l-Pulizija diġà kellha rekord tad-DNA u s-sinjali tas-swaba tiegħu. Dawn instabu fuq l-evidenza li nstabet fil-karozza u qablu wara testijiet li saru.

Huwa kompla jixhed fuq kif komplew bl-investigazzjonijiet tagħhom u beda jiddeskrivi r-rejd fil-Floriana u sostna li Muka ma kienx qed joqgħod fir-residenza mniżżla fuq il-bail book.

Il-Pulizija kienet infurmata mingħand ‘informer’ li kien hemm bieb aħdar fil-Furjana li kellu katnazz. Kienu qalulhom li raġel twil kien deher jikser il-kantanzz u jidħol fil-binja.  

Ġie deċiż l jsir ir-rejd u dan sar meta l-Pulizija kkonfermat li kien hemm xi ħadd li kien qed joqgħod fir-residenza abbandunata. Hemm sabu pistola li kellha sitt balal neqsin ittieħdet minn fuq Muka. Kompla jgħid li l-evidenza tindika li l-arma kienet mimlija meta l-irġiel allegatament daħlu fir-residenza ta’ Pandolfino u Maciejowski.

Sadanittant il-ħwejjeġ li nstabu fil-Floriana kienu l-istess ħwejjeġ li ntużaw fid-delitt. Meta tkellem fuq l-investigazzjoni li saret fid-dar f’Tas-Sliema fejn seħħ id-delitt u minn dak li qallu Bajada rriżulta li r-raġel il-qasir li kien mar mat-tnejn l-oħra kien liebes beritta tal-baseball u maskla.  Ħareġ ukoll li kienu qegħdin jintużaw żewġ numri ta’ reġistrazzjoni misruqin.

L-Albaniż Daniel Muka qed jiġi mixli bil-qtil ta’ żewġt irġiel f’Tas-Sliema fit-18 ta’ Awwissu se tibda tinstema’ nhar il-Ħamis li ġej. Muka jinsab mixli li flimkien ma’ persuni oħra qatel lil Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski u li seraq b’aktar minn €2,300 f’ġojjelli u oġġetti oħrajn mill-istess residenza.

Flimkien mal-Ispettur James Grech hemm ukoll l-Ispettur Colin Sheldon li qed jinvestiga dan il-każ. Muka tressaq il-Qorti nhar il-Ħamis li għadda u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, bl-avukati tiegħu ma jagħmlu l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda kienu talbu biex psikjatra fil-ħabs jeżamina l-istat mentali tiegħu għax qalu li għadda minn trawma kerha

L-Albaniż ta’ 25 sena ġie arrrestat mill-Pulizija fil-25 ta’ Awwissu meta kien qed jistaħba f’dar abbandunata fil-Floriana, wara li allegatament inqabad f’filmati tal-kameras tas-sigurtà f’Tas-Sliema ftit wara l-qtil ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski f’darhom stess f’Tas-Sliema.

Muka qed jiġi mixli b’10 akkużi fosthom il-qtil taż-żewġt irġiel, li żamm jew issekwestra liż-żewġt irġiel bil-ħsieb li jisraq flus jew ħwejjeġ oħra, talli kien fil-pussess ta’ arma regolari jew imitazzjoni tagħha, talli kellu vettura misjuqa tat-tip Volkswagen Tiguan u talli fit-3 ta’ Awwissu li għadda seraq pjanċi ta’ reġistrazzjoni minn karozza oħra.

B’rabta ma’ dan il-qtil diġa tressaq ukoll Viktor Dragomanski ta’ 36 sena mill-Macedonja. Huwa ġie arrestat nhar l-Erbgħa filgħaxija fil-Gżira u pprova jaħrab lill-Pulizija billi qabeż minn xi gallariji u bjut. Iżda l-Pulizija rnexxilha xorta tarrestah.  Il-kumpilazzjoni ta’ Dragomanski se tibda nhar l-Erbgħa 9 ta’ Settembru fis-1.00 pm. quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

It-tielet suspettat, raġel Daniż kien arrestat fi Spanja. Huwa nqabad f’lukanda f’Cadiz fi Spanja f’ħidma konġunta bejn il-Pulizija Maltija u dik Spanjola. Dan permezz tal-involviment tas-sezzjonijiet rispettivi tal-Interpol.

Il-Ġimgħa dan it-tielet suspettat kien ħarab minn Malta lejn Barċellona. Kien għalhekk li l-Pulizija Maltija bdiet proċess sabiex jinħareġ mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tiegħu u dan biex jiġi estradit lejn Malta .

L-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Noel Bianco u George Buttigieg qegħdin jidhru għal Muka, li diġa kiser difrejh mal-Pulizija, filwaqt li l-Avukati Joseph Giglio u Roberta Bonello qegħdin jidhru bħala parte civile. Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-8 ta’ Ottubru.