Lokali

“Direzzjoni li tagħmel id-differenza” – Bernard Grech

“Qed inpoġġi lili nnifsi biex inservi fil-politka ħalli ntejjeb il-qagħda tal-bniedem fis-soċjetà permezz tal-aqwa organu, il-Partit Nazzjonalista.”

Saħaq dan l-Avukat Bernard Grech meta kien intervistat mid-Deputat Editur ta’ The Times of Malta, Matthew Xuereb, waqt xandira speċjali fuq NET Television b’rabta mal-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa fakkar kif ħadd m’għandu s-soluzzjonijiet għalkollox u għalhekk jixtieq juża t-talenti ta’ kulħadd, inkluż tas-soċjetà ċivili, biex iservi lin-Nazzjonalisti, lil-Laburisti u lill-poplu Malti ħalli titjieb il-qagħda ta’ pajjiżna b’mod ġenerali.

Bernard Grech tenna li qatt mhu tard li wieħed itejjeb, isaħħaħ, jingħaqad u jiġġenera lilu nnifsu mill-ġdid u għalhekk il-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ ħalli f’pajjiżna jkun hawn Oppożizzjoni b’saħħitha li tkun Gvern alternattiv.

Kien għalhekk li ressaq ismu għaliex jemmen li ried jagħti lit-tesserat għażla f’din l-elezzjoni biex tinkiseb l-għaqda għaliex fuq l-għaqda, jista’ jsir kollox.

F’każ li t-tesserati juru l-fiduċja fil-kandidatura prospettiva tiegħu, l-avukat Grech saħaq li se jmexxi l-Partit ‘il quddiem billi jkun il-persuna li joħloq il-klima adegwata biex kulħadd jersaq  lejn il-Partit għaliex kulħadd huwa bżonnjuż.

“Fl-aħħar tal-mina hemm id-dawl u jekk nimxu f’direzzjoni waħda, immexxu lil dan il-pajjiż ‘il quddiem, ħaġa tant mixtieqa mill-poplu u li hu mċaħħad minnha grazzi għall-Gvern.”

Bernard Grech wiegħed li bil-ħiliet li kiseb mill-professjoni legali, fosthom tal-medjazzjoni, se jkun hemm biex jisma’ l-karba tal-poplu u l-weġgħat individwali tan-nies.

Għalhekk, huwa tenna li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jisma’ l-polz tan-nies ħalli l-Partit jagħmel differenza f’ħajjithom, kemm mill-Oppożizzjoni u anki ‘l quddiem mill-Gvern.

“Mingħajr ma nħarsu l-ġid individwali, ma nistgħux niksbu l-ġid komuni.”

Bernard Grech irrefera għall-inizjattiva ta’ crowd funding li biha se tiġi ffinanzjata l-kampanja tiegħu mill-ftit tal-ħafna u b’dak li jifdal mill-ġbir għall-kampanja, jingħata lill-Partit.

Il-kandidat prospettiv għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista temm iwiegħed l-entużjażmu u l-enerġija tiegħu sabiex jagħti l-Partit Nazzjonalista lura lill-poplu Malti, bl-introduzzjoni ta’ aktar żgħażagħ.

Fl-istess waqt, qasam b’mod pubbliku l-ħsieb tieghu li jekk il-PN ikun immexxi minn Kap raġel, jixtieq jara Viċi Kap li tkun mara.