Edukazzjoni Lokali

Ġenituri u għalliema tħallew mingħajr risposti

“Konferenza tal-aħbarijiet għal xejn.”

“Impossibli jinżammu bubbles fi skola”

“Farsa sħiħa. Jimpurtahom aktar mill-homework milli mis-saħħa tal-istudenti u l-għalliema.”

“X’kien l-iskop ta’ din il-konferenza jekk ma ntqal xejn ġdid?”

“Għandkom ‘Pjan B’ ġaladarba dan il-pjan jisfaxxa fix-xejn?”

Kienu dawn uħud mill-mijiet ta’ kummenti ta’ ġenituri, għalliema u studenti b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet dwar il-ftuħ tal-iskejjel – konferenza dwar l-edukazzjoni li għaliha l-Ministru tal-Edukazzjoni m’attendiex.

Dan meta wara diversi jiem ta’ stennija, sa fl-aħħar ġew ippubblikati l-protokolli – linji gwida li jridu jimxu magħhom l-iskejjel tal-pajjiż. Protokolli li jibnu fuq il-famuzi bubbles tal-istudenti, ghalkemm il-Gvern ma jindikax kemm irid ikun il-minimu ta’ tfal f’kull klassi.

Il-Gvern mhux qed jeskludi l-possibilta’ li fi ftit tal-ġimgħat oħra l-iskola terġa’ tingħalaq…jekk il-każi ta’ COVID-19 ikomplu jiżdiedu.

L-unika ċertezza li ngħatat waqt il-konferenza indirizzata minn Frank Fabri u l-Professur Charmaine Gauci kienet dwar l-ilbies tal-maskri fl-iskola u fuq il-mezzi ta’ trasport, fejn għandha tinżamm distanza soċjali anke f’dawn il-vetturi. Minkejja dan baqgħu ħafna dubji, u l-ġenituri bir-raġun ikkummentaw dwar il-fatt li t-tfal li jużaw it-trasport mhux kollha mill-istess klassi. Staqsew “kif se tinżamm distanza soċjali fuq trasport li normalment ikun mimli jew ikun bi studenti minn skejjel diferenti?”

B’dawn il-linji-gwida l-ġenituri qed ikunu mħeġġa jwasslu huma lit-tfal l-iskola filwaqt li se tiġi emendata l-policy dwar l-attendenza. Distanza soċjali trid tinżamm ukoll fil-klassijiet, bid-distanza suġġerita hi ta’ metru u nofs bejn student u ieħor, u żewġ metri bejn l-edukaturi fl-istaff room. Anke dwar dan għad hemm ħafna inċertezza. Fost il-kummenti fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru, għalliema staqsiet “Jekk il-klassijiet jickienu, se jiżdiedu teachers? U “X’ser jiġri jekk għalliema jkollha toqgħod kwarantina, minħabba li leave m’għandiex?”

Intant, kienu ħafna l-ġenituri li staqsew “X’mizuri se jkun hemm għalihom?” Huma staqsew jekk hux se jkollhom dritt jaqbdu u jitilqu mix-xogħol jew ma jmorrux għax-xogħol jekk it-tfal ikunu ma jifilhux? Staqsew ukoll “X’se jiġri jekk student jirriżulta pożittiv? U “Fejn se jħallu lit-tfal waqt li jkunu kwaratina?”

Għalhekk, wara konferenza tal-aħbarijiet li suppost tat ħafna informazzjoni utli, huma bosta dawk li għadhom qed jistennew aktar direzzjoni ċara dwar il-ftuh tas-Sena Akkademika.