Lokali

Għaqdiet iddiżappuntati li l-proposta għal servizz ta’ fast-ferry ġiet imwarrba

Jappellaw għal azzjoni immedjata sabiex titjieb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer

Ħdax-il għaqda qed jagħmlu appell lill-Gvern biex jikkunsidra mill-ġdid d-deċiżjoni li jinjora l-wegħda elettorali tiegħu li joffri servizz ta’ fast-ferry li jgħaqqad il-port tal-Mġarr mal-Port il-Kbir, biex minfloku jintroduċi servizz ta’ trasport bil-baħar tat-tip hop-on, hop-off.

Dan is-servizz mhux se jaqdi l-bżonnijiet tal-passiġġiera Għawdxin u Maltin li jaqsmu bejn Malta u Għawdex ta’ kuljum, u jonqos milli jindirizza l-isfidi ta’ konnettività li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Għawdxin b’mod tanġibbli u sostenibbli. Il-fast-ferry kienet ilha tiġi mwiegħda għal snin sħaħ, u kienet se tnaqqas bil-kbir id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin u dawk li jkollhom jagħmlu l-vjaġġ bil-vapur kuljum, billi kienet se tkun qed tnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u tnaqqas it-traffiku veikulari bejn iż-żewġ gżejjer.

Bl-introduzzjoni ta’ skema li hija sempliċiment mezz ta’ investiment għas-settur privat, minflok servizz ta’ fast-ferry, il-Gvern qed jittradixxi lit-3,300 impjegat Għawdxi li jaħdmu f’Malta, u li verament għandhom bżonn soluzzjoni tat-trasport effiċjenti mill-aktar fis.

Il-fatt li l-Gvern jibqa’ ossessjonat bil-pjan tiegħu li jibni mina għall-karozzi, li tieħu snin u tiswa l-miljuni biex titlesta, u li xorta mhux se tkun qed tnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar b’mod sinifikanti, filwqt li jinjora soluzzjonijiet oħra alternattivi u aktar effiċjenti, imur kontra kull loġika.

Il-proċess tas-sejħa għall-offerti għas-servizz ta’ fast-ferry bejn il-Belt Valletta u l-Mġarr kien imtappan bil-kontroversji, u ġie sospiż wara allegazzjonijiet ta’ aġir diskriminatorju u inġust. Aktar kmieni dan is-sajf ħarġet it-tielet sejħa għall-offerti, din id-darba iżda għal servizz ta’ trasport fuq il-baħar b’lanċa tat-tip hop-on, hop-off minn mill-inqas ħames lokalitajiet li jmissu mal-baħar.

Din bl-ebda mod ma tista’ taqdi bl-istess mod il-bżonnijiet tal-Għawdxin bl-istess mod bħas-servizz tal-fast-ferry li kien ġie mwiegħed oriġinarjament. Is-servizz ta’ fast-ferry li jgħaqqad l-Mġarr u l-Belt kien se jipprovdi konnessjoni bla xkiel għall-passiġġiera Għawdxin, li jkollhom jaqsmu ta’ kuljum. Is-servizz il-ġdid hop-on, hop-off jidher li se jkun qed jieqaf f’diversi portijiet f’Għawdex u f’Malta, u għalhekk mhux se jkun qed jipprovdi konnessjoni veloċi u bla waqfien li hija tant bżonnjuża għall-passiġġiera Għawdxin. Barra minn hekk, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li l-frekwenza tas-servizz li qed tiġi proposta se tkun qed taqdi n-numru ta’ Għawdxin li jaqsmu l-fliegu kuljum.

Sorsi qrib l-industrija marittima saħqu li huwa evidenti kif l-aħħar dokument tas-sejħa għall-offerti ġie mfassal bl-għan ewlieni li jakkomoda l-bżonnijiet ta’ operatur wieħed biss. Għalhekk bilfors ikollna nistaqsu jekk hemmx xi konnessjoni bejn is-sospensjoni tal-proċess tas-sejħa għall-offerti għall-fast-ferry u t-tħaddim ta’ servizz ġdid skedat ta’ hop-on, hop-off għat-turisti fil-port tal-Mġarr. Wieħed ma jistax jinjora x-xebh bejn l-iskema proposta mill-Gvern u s-servizz hop-on, hop-off li għadu kif ġie mniedi. Tidher kemxejn koinċidenza stramba l-fatt li servizz ġdid bil-katamaran operat minn Captain Morgan beda jopera ġurnata biss wara li ġie mħabbar li l-proċess tas-sejħa għall-offerti għall-fast-ferry ġie sospiż.

Fid-dawl ta’ dan kollu, dawn l-għaqdiet qed jitolbu trasparenza sħiħa min-naħa tal-Gvern, u sabiex jiġu ppubblikati studji li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu li jwarrab il-pjan għall-fast-ferry u jagħżel li jintroduċi servizz hop-on, hop-off minflok. Il-Ministru Ian Borg għandu jieqaf jistqarr li l-iskemi tiegħu huma appoġġjati mill-Għawdxin, meta l-organizzazzjonijiet ewlenin Għawdxin ikkritikaw id-deċiżjoni tal-Gvern li jissospendi l-proċess għas-sejħa għall-offerti għall-fast-ferry. Il-Gozo Business Chamber, il-Gozo University Group, u l-Gozo Tourism Association kollha kkundannaw pubblikament l-azzjonijiet tal-Gvern, u appellawlu biex jerġa’ jniedi l-pjan tiegħu għal servizz ta’ fast-ferry bla punt ta’ waqfien bejn l-Mġarr u l-Belt.

Huma jtennu l-appell tagħna lill-Gvern biex isib soluzzjonijiet fit-tul, adegwati u sostenibbli li jistgħu verament jindirizzaw l-isfidi ta’ mobbiltà u konnettività ta’ Għawdex.

  1. Association for Gozitan Employees
  2. Bicycle Advocacy Group
  3. BirdLife Malta
  4. Din l-Art Helwa
  5. Extinction Rebellion Malta
  6. Flimkien għal Ambjent Aħjar
  7. Friends of the Earth Malta
  8. Isles of the Left
  9. Moviment Graffitti
  10. Nature Trust Malta
  11. The Archaeological Society of Malta