Internazzjonali

Il-coronavirus fl-Istati Uniti: Lejn id-distribuzzjoni ta’ vaċċin potenzjali sa Novembru

Il-US Centers for Disease Control qed jitlob lill-Istati Amerikani biex iwarrbu l-burokrazija bil-għan li jippermettu għad-distribuzzjoni ta’ vaċċin potenzjali għal kontra l-Covid-19 sal-1 ta’Novembru.

Il-pjan jidher li hu immirat għal vaċċin li ‘għandu jkun dispost għal ċerti gruppi ta’ nies’, ftit jiem qabel issir l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti, fit-3 ta’ Novembru.

Xi rapporti qed jindikaw li, waqt id-distribuzzjoni tal-vaċċin, il-priorità għandha tingħata lill-professjonisti tas-saħħa; lill-anzjani ta’ ‘il fuq minn 65 sena u lill-membri tal-komunitajiet l-aktar vulnerabbli għal infezzjoni.

Dan meta numru ta’ mediċini potenzjali għal kontra l-Covid-19 għaddejjin mit-testijiet kliniċi – b’uħud jinsabu fl-aħħar fażi ta’ prova.

Intant, hu minnu li l-pjan qed iqajjem it-tħassib fost id-diversi denominazzjonijiet ta’ Amerikani li qegħdin jaraw iż-żmien partikulari bħala ‘suspettuż u inkwetanti’.

Saskia Popescu, epidemjoloġista ewlenija fl-Istat ta’ Arizona, qalet, waqt kummenti lill-gazzetta New York Times ‘li ż-żmien speċifikat għandu jinkwieta lin-nies għaliex jidher li qed ikun ippolitiċizzat għall-iskaptu tas-saħħa pubblika u mingħajr rispett għall-fatturi tas-sigurtà involuti’.

Popescu kompliet li ‘diffiċli biex wieħed ma jqisx dan il-vaċċin bħala parti minn gimmick elettorali’ – bi xjenzati oħrajn qegħdin jibżgħu li l-aħbar mis-sorsi fi ħdan il-US Centers for Disease Control ‘qegħdin ikunu xprunati, proprju, mill-politika’.