Lokali

Il-ħatra ta’ bord ġdid tal-PBS mhi xejn riforma anzi pass ieħor biex il-PBS jibqa’ taħt il-kontroll tal-Gvern – PN

Aktar milli riforma tas-sistema, il-bdil ta’ persuni fuq il-bord tal-PBS ma jservi l-ebda skop għajr li jkompli jiżgura li l-PBS jibqa’ taħt il-kontroll tal-Gvern Laburista. Diġà rajna kif taħt l-iskuża ta’ ċirkulari maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir, il-Gvern abbuża mill-PBS billi uża ħin ewlieni għal skopijiet politiċi partiġġjani tiegħu stess u bil-benefiċċju miżjud li ma jkollux għalfejn ixandar mistoqsijiet imressqa mill-ġurnalisti. Il-ħatra ta’ membri ġodda fil-Bord tad-Diretturi tal-PBS mhix mistennija li ġġib xi tibdil f’dan ir-rigward.

Fi stqarrija Therese Comodini Cachia , il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, l-Kultura u l-Midja ntqal li biex il-PBS ikun tassew servizz ta’ xandir pubbliku u jagħmel ġustizzja mal-poplu Malti li jiffinanzja l-operat tiegħu, trid issir riforma sinifikanti. Din ir-riforma għandha tkun tali li tiżgura li l-PBS hija msejsa fuq l-indipendenza u l-imparzjalità billi twettaq dan li ġej:

1. tillimita l-użu u l-kontroll tax-xandir pubbliku mill-Gvern
2. tiżgura xandira tal-aħbarijiet ġusta, preċiża u imparzjali;
3. tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ servizz pubbliku dwar affarijiet kurrenti u affarijiet ta’ kontroversja politika, u
4. tiżgura l-obbligu tas-servizz pubbliku permezz ta’ programmi għall-iżvilupp kulturali, soċjali u edukattiv tas-soċjetà.

Il-ħatra tal-Bord tad-Diretturi saret b’mod ċar b’maġġoranza ta’ persuni li ġejjin minn konnessjonijiet qawwija mal-Partit Laburista, li tkompli turi biss kif il-Gvern Laburista mhux interessat biex jirriforma l-PBS iżda biss li Robert Abela għażel in-nies hu biex iżomm il-ħakma tiegħu fuq il-PBS. Din hija t-tieni opportunità li l-Prim Ministru Robert Abela tilef biex iġib riforma sinjifikanti fil-PBS. L-ewwel opportunità seħħet biss ftit ġimgħat ilu bil-ħatra tal-Kap tal-Aħbarijiet il-ġdid. Huwa veru li l-Gvern għandu d-diskrezzjoni kollha li għandu bżonn biex iwettaq dawn il-ħatriet, imma kieku verament irridu nemmnu x-xewqa tal-Prim Ministru Abela li jġib riforma fil-PBS allura l-ħatra ta’ Kap tal-Aħbarijiet ġdid u ta’ Bord ġdid tad-Diretturi tawh l-aħjar opportunitajiet biex jagħmel dan.

Minflok Robert Abela huwa lest li jkompli fuq il-passi tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat. Għalkemm fil-kampanja tiegħu għal mexxej tal-Partit Laburista u l-Prim Ministru ta’ Malta, f’intervista mogħtija fuq TVM Abela kien qal li fil-PBS ir-riformi huma meħtieġa, jidher li l-unika kelma vera tiegħu f’dik l-intervista kienet fil-fatt li kien qed jiffaċċja reżistenza minn ġewwa l-partit tiegħu stess għal riforma bħal din. Billi tilef dawn iż-żewġ opportunitajiet, Abela stess jikkonferma li hemm min jiġbed il-kordi tal-PBS minn wara l-kwinti u li issa li l-Prim Ministru qed iċedi għar-reżistenza tal-Partit tiegħu stess biex ix-xandir nazzjonali jsir verament xandir indipendenti u imparzjali.