Jose Herrera weħħel fil-protesti li saru fl-eqqel tal-kriżi politika li l-Gvern Laburista kien xeħet lill-pajjiżna fih, kriżi li waqqgħet lill-Gvern ta’ Joseph Muscat, biex jiġġustifika n-nefqa ta’ €19,050 mit-taxxi tal-poplu biex kellu “security” miegħu għal xahar sħiħ.
Il-membri tas-sigurtà kienu ngaġġati mal-Ministru tal-Kultura u l-Gvern Lokali bejn is-16 ta’ Diċembru u l-15 ta’ Jannar abbażi ta’ direct order wara parir li ngħata min-nies tas-Segretarjat tiegħu.
Meta kien qed iwiegeb domandi ta’ Net News, Jose Herrera tenna li fil-passat, nies prominenti kellhom membri tas-sigurtà magħhom.
Huwa ġġustifika l-ingaġġ ta’ kumpanija privata b’direct order għaliex il-Pulizija xorta waħda jridu jitħallsu jekk jiġu ngaġġati bħala sigurtà miegħu.
Fuq jekk kellux xi forma ta’ theddida u jekk għamilx rapport mal-Pulizija, il-Ministru Herrera naqas milli jwieġeb.
Kien aktar kmieni din il-ġimgħa meta ġie żvelat li Jose Herrera qabbad kumpanija tas-sigurtà privata għal protezzjoni tiegħu għal erbgħa u għoxrin siegħa sħaħ kuljum.
//= $special ?>