Lokali Qorti

Kristiansen ma jagħtix il-kunsens tiegħu biex jintbagħat Malta u jgħaddi proċeduri dwar qtil doppju

Jesper Kristiansen ir-raġel Daniż li ġie arrestat fit-30 ta’ Awwissu f’Cádiz fi Spanja wara li l-Pulizija Maltija qed tqisu bħala t-tielet suspettat fil-qtil doppju f’Tas-Sliema naqas milli jaggħti l-kunsens tiegħu biex jintbagħat Malta.

Kieku ta l-kunsens tiegħu huwa kien jintbagħat lura Malta f’perjodu ta’ bejn seba’ u għaxar t’ijiem. Għaldaqstant il-fatt li huwa ma jridx jiġi lura Malta, issa l-pass li jmiss huwa li jgħaddi proċeduri f’Qorti Spanjola, li trid tiddeċiedi l-estradizzjoni tiegħu fi żmien 30 ġurnata.

Kristiansen, li huwa Daniż, ħarab minn Malta b’titjira lejn Barċellona nhar il-Ġimgħa filgħodu. F’ħidma konġunta minn naħa tal-Pulizija Maltija mal-awtoritajiet Spanjoli, Kristiansen inqabad fi Spanja u ġie arrestat l-Ħadd wara nofsinhar f’lukanda f’Cádiz.

Cádiz hija belt fir-reġjun ta’ Andalusia fin-nofsinhar ta’ Spanja, bid-Daniż jispiċċa jivvjaġġa mal-elf kilometru biex wasal f’din il-belt wara li niżel fl-ajruport ta’ Barċellona.

Kristiansen se jaffaċċja proċeduri f’Qorti Spanjola wara li permezz ta’ avukat tiegħu se jikkontesta l-estradizzjoni tiegħu lejn Malta. Minkejja dan huwa remot ħafna li l-każ jiġi deċiż favur tiegħu biex jibqa’ Spanja.

Meta jerġa’ jirritorna f’Malta għandu jitressaq mill-ewwel il-Qorti akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski li kienu nqatlu fir-residenza ta’ Pandolfino f’Tas-Sliema fit-18 ta’ Awwissu li għadda.

L-Albaniż Daniel Muka u Viktor Dragomanski ta’ 36 sena huma ż-żewġ persuni l-oħra mixlija bil-qtil doppju bil-vittmi jinqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar, fid-dar ta’ Pandolfino, li huwa professjonist mediku.

Il-każ seħħ kien seħħ fil-jum tat-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tal-10:30pm fi Triq Locker kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl. Pandolfino kien tabib li sar bankier snin ilu u għex Londra fejn hemm għamel suċċess fil-karriera tiegħu u mbagħad ġie lura pajjiżna madwar 15 -il sena ilu.