Sport Waterpolo

L-ewwel rebħa għal Sirens f’logħba ta’ intensità

(Ritratt: Martin Agius)

Stewart Said

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……… 7

SIRENS MECCA MARIN…………. 9

(3-1), (1-3), (1-2), (2-3)

F’logħba ta’ intensità u b’riżultat li seta’ mar kull naħa, Sirens Mecca Marin kisbu l-ewwel rebħa f’dan il-Kampjonat Premier. B’hekk pattew sportivament għat-telfa li sofrew madwar xahar ilu meta dakinhar kienu Birżebbuġa li ħarġu rebbieħa 9-8.

Logħba tattika wkoll bejn żewġ kowċis preparati bħal Marko Orlovic għal Sirens u Pierre Borg għal Birżebbuġa. Il-grinta ta’ dawn iż-żewġ kowċis komplew għamlu l-partita interessanti hekk kif trasmettew l-enerġija tagħhom fil-plejers.

Kien Isaiah Riolo li fetaħ l-iskor għal Sirens b’xutt għar-rokna iżda Birżebbuġa dawru l-iskor bi tliet gowls. L-ewwel kien David Cutajar li skorja b’xutt sabiħ, David Pace Lupi rdoppja minn man-up u Ben Grech għamilhom tlieta b’xutt preċiż.

Iżda dak li għamlu Birżebbuġa, għamluh Sirens sa nofs it-tieni sessjoni. Dan hekk kif b’doppjetta ta’ Matthew Sciberras u gowl bejniethom ta’ Mikhael Cutajar, dawru l-iskor favurihom. Neil Cassar għamel l-iskor 4-4 ftit wara b’gowl f’okkażjoni ta’ raġel aktar.

Sirens irnexxielhom jiksbu vantaġġ doppju fit-tielet sessjoni b’gowls ta’ Ken Erdogan u Matthew Sciberras iżda fl-aħħar attakk tas-sessjoni, Ben Grech naqqas id-distakk minn man-up.

Birżebbuġa kellhom ċans iġibu d-draw lejn nofs is-sessjoni meta wara li Mikhael Cutajar falla man-up għal Sirens b’żewġ xuttijiet li ħabtu mal-lasta, Birżebbuġa ngħataw penalty fl-attakk sussegwenti. Inkariga ruħu David Cutajar iżda l-ballun żelaqlu minn idu.

Fl-aħħar sessjoni, Sirens kabbru l-vantaġġ għal żewġ gowls darbtejn iżda Birżebbuġa għarfu jibqgħu fil-logħba anki jekk il-gowl tat-8-7 wasal wara żball tal-gowlkiper Joseph Parnis. Kien il-gowl minn man-up ta’ Matthew Sciberras madwar minuta u nofs mit-tmiem li serrħet ras it-tim ta’ Marko Orlovic.

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia, N. Cassar (1), D. Pace Lupi (2), C. Mifsud, P. Serracino, S. Vassallo, D. Cutajar (1), M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech (2), Z. Bartolo (1)

Sirens: J. Parnis, J. Ciantar, K. Erdogan (1), G. Melillo, L. Galea, T. Said, L. Falzon, I. Riolo (1), J. Napier (1), M. Cutajar (2), M. Sciberras (4), M. Azzopardi, G. Galea Curmi, G. Farrugia, G. Sammut

Referees: Ronnie Spiteri, Mario Dalli