Lokali

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista strumentali biex l-MPs Għawdxin jiddiskutu l-impatt tal-COVID-19 fuq Għawdex

Fuq talba magħmula mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, lbieraħ iltaqa’ b’urġenza l-Kumitat Parlamentari għal Għawdex fejn dan iddiskuta ma’ diversi awtoritajiet, l-qagħda tal-gżira Għawdxija, issa li reġġgħet refgħet rasha l-imxija tal-COVID-19.

Fi stqarrija minn Chris Said Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali, Frederick Azzopardi Deputat Whip u Kevin CutajarKelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli ntqal li fil-laqgħa sar appell lis-Supritendent tas-Saħħa Pubblika Profs. Charmaine Gauci biex fir-rapporti li din tagħti regolarment, jerġa’ jibda jkun hemm informazzjoni speċifikament dwar Għawdex, partikolarment figuri dwar Għawdxin milquta mill-COVID-19. Profs. Charmaine Gauci laqgħet l-appell għax fehmet li bla informazzjoni ta’ dan it-tip, jibdew jiġru ħafna xniegħat li mhux bilfors ikunu veri. 

Id-diriġenti ta’ Steward health Care, li f’idejhom għandhom l-isptar ġenerali ta’ Għawdex ukoll ħadu sehem fid-diskussjoni. Mill-informazzjoni li pprovdew, irriżulta li l-anzjani ta’ Dar Sant’Anna, se jibqgħu jirrisjedu f’lukanda fir-Rabat fejn kienu ġew trasferiti malli bdiet l-imxija tal-COVID-19.

Huwa ta’ tħassib għall-Oppożizzjoni n-nuqqas ta’ kjarezza dwar ir-raġunijiet għaliex ċertu anzjani ġew trasferiti fil-lukanda u oħrajn tħallew fl-Isptar. Mid-diskussjoni ħareġ ukoll li mhemmx ċertezzi dwar meta se jibda u wisq iktar meta se jitlesta l-isptar il-ġdid imwiegħed minn Steward Health Care. Ħareġ ukoll li kienet biss u unikament deċiżjoni tal-Gvern li flok ma jinġiebu jaħdmu fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex infermieri Għawdxin li jaħdmu Malta bħalma jiġri ssoltu, jiddaħlu minflokhom u direttament minn barra infermieri barranin.

Fil-laqgħa tal-bieraħ ħarġu wkoll punti oħrajn ta’ tħassib. Infatti ġie kkonfermat li l-unika kontrolli li qed isiru kontra l-imxija tal-COVID-19 qed isiru fuq il-passiġġieri li jaslu Għawdex bil-vapuri tal-Gozo Channel, iżda mhux fuq dawk il-passiġġieri li jaslu Għawdex b’mezzi oħra bħal pereżempju dgħajjes privati bħalma jiġri matul il-perjodu tas-sajf. Ġie kkonfermat ukoll li l-Pulizija, tant importanti biex tinżamm l-ordni fl-akwati tal-iskejjel, għad mhux qed jiġu kkonsultati, issa li l-istess skejjel waslu biex jiftħu u hu meħtieġ kordinament sħiħ bejn kulħadd, inkluż il-Pulizija.

Minkejja dawn il-punti ta’ tħassib, li fuqhom l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ taħdem sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet, l-istess Oppożizzjoni ma tistax ma turix is-sodisfazzjon tagħha li fuq suġġeriment tagħha, l-laqgha saret għall-ewwel darba f’Għawdex u mhux mill-bini tal-Parlament kif isir issoltu. Li Kumitat Parlamentari jiltaqa’ f’Ghawdex huwa pass storiku għal pajjiżna li fuq kollox jippermetti aktar djalogu mill-qrib mal-Għawdxin u għaldaqstant wieħed jawgura li laqgħat bħal dawn f’Għawdex jirrepetu ruħhom fil-futur