Internazzjonali Lokali

L-Unjoni Ewropea mħeġġa tieħu azzjoni dwar l-ivvelenar ta’ Navalny

Alleat ewlieni tal-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, wissa li l-Unjoni Ewropea qed tissogra li ssir entità irrelevanti jekk tonqos milli taġixxi fil-konfront tar-Russja b’konnessjoni mal-ivvelenar ta’ Alexei Navalny, il-politiku protagonista tal-Oppożizzjoni Russa.

Norbert Rottgen – li jmexxi lill-kumitat għall-affarijiet barranin tal-Parlament Ġermaniż — insista biex ‘ikun ikkunsidrat mill-ġdid’ ftehim mar-Russja dwar il-proviżjoni tal-gass. Hu irid li l-Unjoni Ewropea ‘turi snienha’ filwaqt li tenna li ‘dan hu każ ieħor brutali li jikxef ir-realtà ta’ kif ir-reġim tal-President Russu Vladimir Putin qed jitratta man-nies’.

Il-Gvern Russu qed ikun suġġett għal kundanna ġenerali wara li l-Ġermanja kkonfermat li Navalny, jiem ilu, spiċċa vvelenat bis-sustanza Novichok ( li tattakka lin-nervatura tal-ġisem) meta kellu jaqbad interna fir-Russja. Navalny jinsab marid gravi u qed jinżamm taħt kura intensiva fl-isptar ta’ Charite, f’Berlin.

Rottgen innota wkoll li Putin qed jikkonsolida l-poter tar-Russja fis-Sirja, il-Libja u l-Belarus u staqsa ‘jekk l-Ewropej se jkomplu ma jagħmlu xejn bħas-soltu’. Hu kompla li jekk dan huwa l-każ, ‘l-Unjoni Ewropea mhix se tittieħed aktar bis-serjetà u għandha tispiċċa rrelevanti’.

Aktar qabel, il-Kanċillier Merkel qalet li Navalny spiċċa vittma ta’ attentat ta’ qtil u li d-dinja qed tħares lejn ir-Russja għal spjegazzjonijiet. Hi saħqet li ‘għandu jkun hemm reazzjoni xierqa u konġunta mill-UE u n-NATO’ filwaqt li fissret l-ivvelenar ta’ Navalny bħala ‘attakk fuq il-valuri fundamentali u d-drittijiet bażiċi li aħna lkoll impenjati biex inżommuhom’.

Intant, il-Kremlin tar-Russja qed jiċħad il-konklużjoni tal-Ġermanja dwar Navalny u qal li ma rax id-data ‘tal-Ġermaniżi’ dwar il-kundizzjoni tiegħu.