Futbol Sport

Mil-lejla jingħata bidu għall-UEFA Nations League, Malta impenjata kontra l-Gżejjer Faroe

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Mil-lejla jingħata bidu għat-tieni edizzjoni tal-UEFA Nations League, bl-ewwel edizzjoni li ġiet fi tmiemha fis-sajf li għadda ntrebħet mill-Portugall.

Fi Torsvoellur Stadium, it-tim Malti jilgħab kontra l-Gżejjer Faroe fl-ewwel partita taħt il-gwida tal-kowċ Taljan Devis Mangia. Fl-aħħar edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, it-tim Malti wkoll kien fl-istess grupp mal-Gżejjer Faroe fejn it-tim Malti kiseb draw u telfa. Aktar riċenti Malta kienet fl-istess grupp tal-Gżejjer Faroe fil-partiti ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2020, bit-tim Malti jikseb draw u rebħa. F’ League D fi Grupp 1, flimkien ma’ Malta u l-Gżejjer Faroe hemm ukoll il-Latvja u Andorra.

Intant, illejla tispikka wkoll il-partita bejn Ġermanja u Spanja biż-żewġ timijiet se jkunu qed ifittxu li jibdew b’rebħa minħabba li l-ewwel tim biss jikseb post fil-finali tal-UEFA Nations League.

Dawn se jkunu l-ewwel partiti internazzjonali li se jintlagħbu minn meta bdiet il-pandemija tal-coronavirus, bil-UEFA se tkun qed tosserva li jiġi rispettat il-protokoll mediku, bil-partiti kollha jintlagħbu b’bibien magħluqa.

UEFA NATIONS LEAGUE

Illejla: Ġermanja v Spanja 8.45pm, Ukranja v Żvizzera 8.45pm, Russja v Serbja, 8.45pm, Turkija v Ungerija 8.45pm, Bulgarija v Irlanda 8.45pm, Fillandja v Wales 8.45pm, Moldova v Kossovo 8.45pm, Slovenja v Greċja 8.45pm, Latvja v Andorra 6.00pm, Gżejjer Faroe v Malta 8.45pm