Internazzjonali

Stati Uniti: Għadab akbar għall-pulizija wara l-ħruġ ta’ filmat ta’ vittma iswed ieħor

Inċident ieħor li jindika aġir brutali mill-pulizija fil-konfront tal-Amerikan iswed mill-ġdid qed iqanqal l-għadab fost il-poplu. Dan wara li fl-aħħar sigħat beda jiċċirkola filmat tar-raġel — Daniel Prude, li kellu marda mentali — qed ikun imrażżan ‘b’mod mhux aċċettabbli’ u bil-konsegwenza li miet ftit wara.

L-inċident, li sar magħruf issa, imur lura għal Marzu u kien seħħ fl-Istat ta’ New York. Intant, dan il-missier ta’ ħamest itfal kien inżamm mill-pulizija li għattewlu wiċċu bi speċi ta’ barnuża magħrufa bħala ‘spit hood’ ( biex l-uffiċjali jkunu protetti mill-bżieq ta’ persuna) waqt li żammewlu wiċċu mal-art għal żewġ minuti. Ir-raġel ta’ 41 sena miet ‘fgat’ ftit tal-ħin wara iżda huwa biss issa li l-poplu sar jaf bil-każ xokkanti.

Fil-fatt, il-mewta ta’ Prude seħħet xahrejn qabel il-qtil ta’ George Floyd – raġel ieħor Afrikan-Amerikan – taħt idejn il-pulizija f’Minnesota. Floyd kien miet wara li pulizija abjad żammu mal-art – b’irkopptu magħfus fuq għonq il-vittma – għal tmien minuti, bil-każ iqanqal il-protesti kbar kontra r-razziżmu fl-Istati Uniti u madwar id-dinja.

Fl-aħħar jiem it-tensjoni rrankat mill-ġdid fl-Istati Uniti wara li raġel iswed ieħor, Jacob Blake, spiċċa’ jaqla’ seba’ tiri ta’ arma f’dahru (bir-riżultat li spiċċa paralizzat) fil-belt ta’ Kenosha, f’Wisconsin. Il-każ seħħ fit-23 ta’ Awwissu u qanqal il-protesti kbar u vjolenti f’dik il-belt.

Intant, fl-aħħar sigħat, id-dimostranti nġabru fil-belt ta’ Rochester, fl-Istat ta’ New York, biex jikkundannaw il-mewt ta’ Daniel Prude u fejn saru numru ta’ arresti mill-pulizija.

L-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, William Barr, intant, warrab għall-akkużi li l-Amerikani bojod u suwed qed ikunu trattati b’mod differenti minħabba ‘elementi qawwija ta’ razziżmu fi ħdan il-korp tal-pulizija’.

Fl-istess ħin, Joe Prude – li jiġi ħu l-vittma – żvela li, fit-23 ta’ Marzu, kien ċempel lill-pulizija f’Rochester biex huma jgħinu lil ħuh li kien qed ibati minn problemi mentali akuti. Joe Prude sostna li ma basar qatt li ħuh, għall-kuntrarju, ‘kellu jispiċċa aggredit’.

Daniel Prude, residenti ta’ Chicago, kien qed iżur lil ħuh ftit qabel tilef ħajtu. Il- filmati mill-body cameras tal-pulizija (li rnexxielhom jiksbu l-familja ta’ Prude) juru lill-vittma – li qabel avviċinawh il-pulizija kien qed jiġri għarwien fit-toroq qalb il-borra – mimdud mal-art, bil-pulizija jagħmlu minn kollox biex irażżnuh.

Il-filmat juri wkoll li Prude kien ikkoopera bis-sħiħ meta waslu l-pulizija u qalulu biex jimtedd mal-art u jpoġġi jdejh wara rasu. Intant, Prude anki jidher maħkum mill-ansjetà waqt li għal ħinijiet deher qed jobżoq u jinsulenta lill-pulizija – għalkemm ma offrilhomx reżistenza fiżika.

Il-vittma qal lill-pulizija li hu kien infettat bil-coronavirus u dawn libsulu s-spit hood fuq rasu. Il-kritiċi li jopponu l-użu ta’ dawn il-barnużi jgħidu li jistgħu jikkaġunaw il-paniku f’persuna u fejn in-nies ta’ madwaru jistgħu ma jindunawx jekk il-persuna tistax issibha diffiċli biex tieħu n-nifs.

Il-filmat jaqbad ukoll il-mument meta Prude jispiċċa mitluf minn sensih waqt li pulizija jinstama’ jgħid li ‘hu (Prude) kien qed jinħass kiesaħ’. Il-paramediċi, imbagħad, ippruvaw iġibu lill-vittma f’sensih qabel daħħluh ġo ambulanza li wasslitu l-isptar – b’Daniel Prude jitneħħa minn fuq il-magna (life support) ġimgħa wara, fit-30 ta’ Marzu.

L-avukati tal-familja tiegħu qalu li l-każ ma ħariġx qabel fil-pubbliku għaliex kellhom jgħaddu x-xhur biex joħroġ il-filmat tal-pulizija. Dan waqt li l-Avukat Ġenerali ta’ New York irrefera għall-mewt ta’ Daniel Prude bħala ‘traġedja’ u qal li għaddejja investigazzjoni relatata. L-uffiċjali involuti f’dan il-każ għadhom qed iservu bħala membri tal-korp tal-pulizija.