Internazzjonali

Stati Uniti: Trump iħeġġeġ biex in-nies ta’ North Carolina ‘jivvutaw darbtejn ħalli jeżaminaw is-sistema’

Il-President Amerikan, Donald Trump, ħeġġeġ lir-residenti fl-Istat ta’ North Carolina biex jivvutaw darbtejn fl-elezzjoni ta’ Novembru li tiddeċiedi min għandu jmexxi l-pajjiż għall-erba’ snin ta’ wara – u minkejja li din is-sistema ta’ votazzjoni titqies bħala illegali.

Intant, Trump issuġġerixxa biex in-nies ‘imorru u jitfgħu l-vot personalment minbarra li (anki) jivvutaw għat-tieni darba bis-sistema tal-posta’.

Hu jemmen li b’dan il-mod, in-nies ikunu qed ‘jeżaminaw’ is-sistema tal-votazzjoni – bi Trump jallega diversi drabi li l-voti li jintefgħu bil-posta huma ‘suġġetti għal livell sinifikanti ta’ frodi’.

Il-kummenti ta’ Trump, fl-istess ħin, kienu kundannati bil-qawwi mill-Avukat Ġenerali ta’ North Carolina, Josh Stein, li sostna li ‘il-President, bl-aktar mod sfaċċat, qed jinkoraġġixxi lill-votanti biex jiksru l-liġi u litteralment jgħinuh ( lil Trump) biex jiżra l-kaos fl-elezzjoni ta’ Novembru’.

Il-Partit Demokratiku fl-Oppożizzjoni, intant, akkuża lil Trump u lill-Partit Repubblikan b’li qed jippruvaw ‘joħonqu lill-votanti’ bħala parti minn pjan biex l-istess Repubblikani jgawdu vantaġġ inġust fl-elezzjoni li jmiss.