Lokali Qorti

Xufier tat-taxi lemaħ lil Cisse mal-art u ċempel ‘l-emerġenza

Xufier tat-taxi li tard filgħaxija kien għaddej minn Ħal Far lemaħ kadavru mal-ġemb ta’ triq f’Ħal Far u kien hu li ċempel lid-dipartiment tal-emerġenza.

Waqt li kien għaddej minn hemm, kien waqaf għal ftit tal-ħin u lemaħ ukoll “pick-up van” jgħaddi mill-viċinanzi tal-persuna li kienet mal-art, u dan baqa’ sejjer. Fil-fatt tant kien viċin dan il-‘pick up’ li bbrejkja biex ma jolqotx il-persuna li kienet mixħuta mal-art.

Dan ħareġ mid-depożizzjoni ta’ Christopher Bernard Farrugia Potter li kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-eks suldati Lorin Scicluna u Francesco Fenech, li huma akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane f’April tal-2019.

Is-suldati li kienu nħelsu fuq pleġġ f’Diċembru li għadda, qed jiġu mixlijin wkoll bl-attentat ta ’qtil ta’ żewġ immigranti oħra li fuqhom kienu ġew sparati tiri u li dawn spiċċaw feruti wkoll f’Ħal Far.

Farrugia Potter qal li huwa kien għaddej waħdu bil-vann tax-xogħol mill-inħawi ta’ Ħal Far u Birżebbuġa  u raha xi ħaġa mal-ġemb fuq il-lemin tiegħu. Jiftakar li dak inhar kien saq minn fejn hemm il-‘job centre’ lejn B’Birżebbuġa.

Tenna li kien waħdu u meta dawwar ftit lemaħ xi ħaġa mal-art li ħass li dak il-ħin setgħet kienet persuna, kif fil-fatt kienet. Tenna li hu baqa’ fil-vann għax beda jiddejjaq ħafna bis-sitwazzjoni.

Qal li għadda tliet darbiet minn fejn kien hemm il-persuna mal-art u dawwar ukoll lejn iż-żewġ naħat tat-triq. Wara ċempel minn fuq il-mobajl tiegħu in-numru tal-emerġenza 112 għax induna li kien hemm xi ħadd bla ħajja.

Qal li kien qal lil min wieġeb x’kien raha quddiemu. Jiftakar ukoll li f’dawk il-ħinijiet mill-inħawi lemaħ persuna ta’ karnaġġon skur miexi. Mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud fuq il-komportament ta’ dan il-persuna, x-xhud qal li kien miexi u deher iċċassat u ma kellmux.

Kompla jgħid li fil-bidu nett ta’ Ħal Far kien raha wkoll żewġ persuni oħra ta’ karnaġġon skur. Dwar it-telefonata qal li huwa kien għamilha fil-10.55pm.

Xehed ukoll tabib mill-emerġenza fl-isptar Mater Dei dwar vittma ieħor li kien qala’ wkoll tir allegat li ġie sparat mill-akkużati. It-tabib David Grima qal li l-pazjent tiegħu kien Mohammed Djallo, li sofra minn diversi feriti u għamel xi ħin  ukoll fil-periklu tal-mewt.

Qal li huwa kien ħareġ iċ-ċertifikat mediku tiegħu  fis-7 ta’ April 2019 fis- 2.00am. Tena li Djallo kellu ferita madwar nofs ċentimetru fuq in-naħa tal-lemin f’koxxtu u li kienet ġejja minn tir sparat.

Kellu wkoll ksur ta’ għadma fejn il-qadd (pelvis) u kien kellu wkoll ħsara fil-bużżieqa tal-awrina u ‘leakage’ tal-istess awrina fl-intern tiegħu, li kienet kkawżatlu ħsara fil-pajp tal-urina.  

Kien ukoll minħabba f’hekk li spiċċa fil-periklu tal-mewt. Huwa qal li ma segwix lill-pazjent u komplew isegwuh mid-dipartiment tan-newroloġija. Xehed ukoll l-espert mqabbad mill-Qorti Martin Bajada li kellu l-inkarigu jieħu filmati mis-CCTV’s fl-inħawi tad-delitt u data mill-mobajls tal-akkużati u tal-vittmi.

Huwa qal li rkupra diversi filmati minn toroq fil-madwar u dan biex isegwi karozza partikolari u mexa mar-residenzi varji li ġew ndikati lilu bil-filmat jasal sax-showroom ta’ Montebello, aktar il-fuq mit-Triq tal-Barrani fiż-Żejtun, direzzjoni lejn Birżebbuġa.

Dwar il-mobajls qal li għamel l-indaġni tiegħu fuq dawk li nstabu fuq il-post u kien hemm mobajls li ttieħdu minn Mater Dei, fosthom ieħor mir-residenza tal-vittma.

Il-vimma Lassana Cisse mill-Kosta tal-Ivorju kellu 42 sena  biż-żewġ eks suldati qegħdin jiġu mixlija b’omiċidju li seħħ  fuq bażi ta’ mibgħeda razzjali.

Huma jiġu mixlija wkoll fuq ‘hit and run’ ta’ immigrant ta’ 17-il sena miċ-Chad fi Frar tas-sena l-oħra. L-eks membri tal-Forzi Armani ta’ Malta jinsabu akkużati wkoll bil-pussess ta’ senter fil-pubbliku, li għamlu użu minn vettura bla pjanċi tar-reġistrazzjoni kif ukoll b’sewqan perikoluż.

Dan apparti akkużi ta’ qtil ta’ annimali, fosthom qtates u għasafar. Scicluna qed ikun akkużat waħdu ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza preċedenti.

Il-Qorti kienet laqgħet it-talba għal libertà proviżorja taż-żewġ akkużati taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li  jiffirmaw kuljum f’għassa tal-pulizija, iħallsu depożitu ta’ € 30,000 u garanzija personali ta’  €20,000, filwaqt li jibqgħu d-dar bejn is-7.00pm u s-6.00am.

L-avukati Franco Debono u Kris Busietta qed jiddefendu lil Scicluna ta’ 22 sena filwaqt li l-avukati Giannella De Marco u Stephen Tonna Lowell qed jidhru għal Fenech, ta’ 21 sena.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-kaz qiegħed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Trevor Micallef. L-avukat Joe Gilgio qed jidher parte civile.

Il-każ ikompli fil-15 ta’ Settembru li ġej.