Lokali

27 immigrant jiqbgħu jitkarrbu għall-għajnuna wara 24 jum abbord il-Maersk Etienne

Il-Kaptan tat-tanker Maersk Etienne qed jappella għal għajnuna immedjata hekk kif il-qagħda tas-27 immigrant abbord, inkluż mara tqila, qed taqleb għall-agħar.

Dan wara li dawk abbord kitbulu nota ta’ qsim il-qalb fejn qed jitolbuh bil-ħniena biex jappella lill-Ewropa sabiex issalvahom.

It-tanker ilu 24 jum marbut f’Hurds Bank ftit mili nawtiċi ‘l barra minn Marsaxlokk.

L-akbar sfida li għandhom dawk abbord hija l-qagħda psikoloġika tagħhom li qegħda kull ma jmur tiddeterjora, bl-immigranti ddisprati tant li wieħed minnhom hedded li jaqbeż minn abbord, bil-Kaptan tal-Maersk Etienne jgħid li kellhom biċċa xogħol kbira biex jikkonvinċu lill-immigrant ma jaqbiżx.

Is-27 immigranti ġew salvati fl-4 t’Awwissu minn fuq dinghy li kien ilu ftit jiem fil-baħar u li huwa rrappurtat li għereq ftit wara l-operazzjoni tas-salvataġġ.

Skont l-istess Kaptan, l-immigranti qed jorqdu fuq saqqijiet u kutri, uħud minnhom fuq l-istiva, bi qlugħ jagħmluha ta’ għata mill-qilla tax-xemx.

L-operaturi tat-tanker qed jgħidu li la l-awtoritajiet Maltin, la dawk Taljani u lanqas dawk Libjani mhu qed iħalluhom jiżbarkaw, u appellaw biex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis possibbli.