46 persuna ttestjaw pożittiv għall-COVID-19. Biċ-ċifra ta’ 37 persuna mfejjqa mill-Coronavirus, il-każi attivi telgħu b’9 għal 536 persuna attiva.
Fost l-46 każ ġdid ta’ Coronavirus minn 1869 swab test, kienu 27 l-immigranti, li joqogħdu fiċ-Ċentri Magħluqa ta’ Ħal Far, li ħadu dan il-virus.
B’hekk il-każi totali rreġistrati f’pajjiżna sa mis-7 ta’ Marzu ‘l hawn issa telgħu għal 2,158 persuna u dawk ifejjqa issa jlaħħqu l-1,572 persuna.
F’din is-26 ġimgħa minn mindu nstab l-ewwel każ ta’ Covid-19 f’pajjiżna, ġew irreġistrati 253 każ ġdid filwaqt li tilfu ħajjithom 3 persuni pożittivi għall-virus biex it-total t’imwiet tela’ għal 13.
Iċ-ċifri mħabbra minn NET News qegħdin jinkludu ċ-ċifri ta’ immigranti li jittestjaw pożittiv, ċifri li l-Gvern qed jiskarta u jaħbihom mill-poplu Malti fit-total ta’ każijiet.
Fil-bullettin tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, tħabbar li fl-Isptar Mater Dei hemm b’kollox 9 persuni li qed jieħdu l-kura għall-Coronavirus.
Sitt persuni qed jieħdu l-kura fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, fosthom anzjan li mhuwiex f’qagħda stabbli, żewġ persuni f’taqsimiet oħra u persuna oħra fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Fl-Isptar Boffa hemm 6 persuni jieħdu l-kura, 14 fl-Isptar St. Thomas u 8 fl-Isptar Monte Karmeli.
//= $special ?>