Lokali

Eks Kummissarju Ewropew bi kritika għall-mentalità tal-Gvern ta’ “stajna nagħmluha aħjar”

Kull darba li l-membri tal-Gvern jinqabdu li għafġu xi waħda, idoqqu l-istess kantaliena … “stajna nagħmluha aħjar”. Mela allura, mhux għax l-Oppożizzjoni kienet qed tbeżża’ jew negattiva, anke meta wieħed iqis li dan jibqa’ l-istess Gvern Laburista bl-istess membri li kienu fi żmien Joseph Muscat.

Kliem l-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg, f’kitba fit-Times of Malta. Hu nnota kif il-membri tal-Gvern illum qishom qed jiddisassoċjaw ruħhom mid-deċiżjonijiet meħuda fi żmien Muscat … minkejja li dak iż-żmien huma kienu approvaw dawk l-istess deċiżjonijiet.

Tonio Borg ifakkar, fost l-oħrajn, fl-appoġġ li l-istess Grupp Parlamentari Laburista kien ta lil Konrad Mizzi fil-vot ta’ sfiduċja li ressqet fih l-Oppożizzjoni. Iżda llum, l-istess membri fil-Gvern Laburista qed jgħidu li jmissha ntrefgħet ir-responsabbiltà politika minn Mizzi meta ismu feġġ fil-Panama Papers.

L-eks Kummissarju Ewropew kkritika l-mod kif minn fuq inħarġet l-ordni li l-ħtija għandha dejjem tintefa’ fuq xi ħadd ieħor. Bħal pereżempju t-tqaċċit ta’ programmi bħal Xarabank u Dissett mix-Xandir tal-Istat. Għax filwaqt li l-Prim Ministru Abela waħħal fil-PBS, fil-verità, mhuwiex il-Gvern li jmexxi x-Xandir tal-Istat?

Tonio Borg itemm jgħid li l-unika differenza li seħħet f’Jannar li għadda hi li qabel, Muscat kien Prim Ministru u Abela l-Konsulent tiegħu, filwaqt li llum Abela hu l-Prim Ministru u Muscat il-Konsulent tiegħu.

Iżda l-opinjoni espressa mill-eks Kummissarju Ewropew ma tantx niżlet tajjeb ma’ Josef Caruana … eks impjegat tal-GWU, illum impjegat f’Kastilja u Kandidat Laburista fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Fil-fatt, waqt programm fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Caruana ħareġ b’attakk dirett lejn Tonio Borg … fost l-oħrajn billi għajru ipokrita. Hu anke pprova jkun sarkastiku billi sejjaħlu “Eċċellenza”.