Lokali

Fkieren tal-ilma baħar jinstabu mejta fir-ramel tal-Fajtita

Ritratt: Nature Trust Malta
Fekruna waħda biss instabet ħajja minn xi tfal iżda mietet ftit minuti wara.

Għadd ta’ fkieren tal-ilma baħar li kienu għadhom kemm faqqsu nstabu mejta minn xi tfal li kienu qed jilagħbu bir-ramel fil-bajja tal-Fajtata, f’Marsaskala. Ħadd ma kien jaf li fekruna tat-tip loggerhead bejtet xi ġimgħat ilu fuq din il-bajja.

Fuq il-post ġew imsejħa membri mis-Salib l-Aħmar, Nature Trust Malta u ERA li komplew ifittxu fir-ramel fejn fost iktar fkieren mejta nstabet waħda ħajja iżda kienet tant dgħajfa li xejn ma seta’ jsir biex tiġi salvatha. Fil-fatt, din mietet ftit tal-minuti wara.

Mhux magħruf kif dawn il-fkieren mietu iżda Nature Trust Malta flimkien ma’ ERA jemmnu li l-kaġun tal-mewt kien li tgħaffġu minn nies li żaru din il-bajja. Il-kaġun tal-mewt se tkun konfermata minn investigazzjoni li se ssir flimkien ma’ kampjun ta’ DNA.

Il-bejta bil-bajda kienet tinsab fiċ-ċentru tal-bajja. Sfortunatament, l-ebda għassa u protezzjoni ma setgħu jingħataw għall-bejta ta’ din il-bajja, liema bajja hi frekwentata minn ħafna fl-istaġun tas-sajf.

Il-bajja se tiżdied fil-lista ma’ bajjiet oħra biex tkun osservata għal xi fkieren li jistgħu jitilgħu ibejtu. Dan biex b’hekk jiġi evitat inċident simili. L-għaqdiet ħarġu sejħa għal voluntiera biex minn Mejju tas-sena d-dieħla joqgħodu għassa ma’ dawn il-bajjiet.

Jekk wieħed jinnota b’xi fekruna tiela’ fuq xi bajja għandu minnufih jikkuntatja lill-għaqdiet konċernati.