Lokali Qorti

Ħabs u probation għal żewġt aħwa nvoluti fi ġlieda bejn il-ġirien fejn intużat sikkina

Sylvester James, ħaddiem tal-kostruzzjoni ta’ 34 sena ġie kundannat erba’ snin ħabs filwaqt li ħuh Reginald ta’ 30 sena, diżokkupat ingħata probation ta’ tliet snin, it-tnejn residenti l-Ħamrun, wara li kienu nvoluti fi ġlieda li spiċċat biex raġel safa’ ferut b’sikkina. L-aħwa ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom.

L-aħwa nvolvew ruħhom fil-ġlieda biex jagħtu daqqa t’id lil ħabib tagħhom wara li dan nqabad f’argument verbali li kien beda’ fost ġirien ġewwa blokka ta’ appartamenti’ fi Pjazza San Ġwann.

Madankollu, il-wasla taż-żewġt aħwa apparentement spiċċat biex l-battibekki eskalaw tant li terza persuna spiċċat weġġgħet f’attakk b’sikkina. Sylvester James kien ġie mixli separatament li ġarr sikkina mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija.

Dan il-każ immur lura għas-6 ta’ Ottubru 2019 meta l-Pulizija rċevew żewġ telefonati separati imma relatati mingħand certu Christianne Spiteri fejn din talbet l-assistenza tal-Pulizija minhabba l-fatt li l-girien ta’ fuqha fejn tirrisjedi kien waddab il-mutur tal-elettriku tat-tifel minn fuq għal isfel u kien qiegħed jghajjat u jiddisturba l-komun.

Minn naha l-oħra l-Pulizija ġew infurmati wkoll li kien hemm ragel li x’aktarx kien involut f’inċident fejn safa ferut b’daqqa b’xi arma. Meta l-pulizija wasslu fuq il-post innutaw diversi oġġetti mkissrin, fosthom mutur tat-toys, dispenser tal-ilma u kien hemm ukoll ammont ta’ demm.

Fuq il-post instab ukoll ċertu Kyle Dominic Galea li kien mimli demm u b’daqqa kbira fuq wara ta’ rasu. Il-partner ta’ Kyle Dominic Galea, li kienet tqila dak iż-żmien, instabet ukoll fuq il-post taht xokk qawwi bi tfal tagħhom mwerwrin. Illi b’amissjoni ta’ l-imputati ghall-imputazzjonijiet koll

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia qalet li aħwa mhumiex wisq affidabbli, kif muri mir- “rekord kriminali vast” tagħhom. Għaldaqstant ittieħdet ukoll kunsiderazzjoni tal-kondotta voluminuża tal-aħwa fejn ingħataw diversi drabi opportunitajiet varji mill-Qorti, iżda xorta waħda baqgħu jiksru difrejhom mal-liġi. Fil-fatt ġew akkużati wkoll li saru reċedivi.

Il-Qorti qieset il-fattur ukoll li l-aħwa ammettew anke jekk mhux fi stadju bikri tal-proċeduri. Ġie ordnat ukoll li kopja tal-ordni probation fil-konfront ta’ Reginald James għandhom jiġu trażmessi u komunikati minnufih lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation Parole sabiex jassenja Uffiċjal tal-Probation biex ikun responsabbli għas-sorveljenza tal-ħati.

L-uffiċjal tal-Probation għandu jirraporta bil-miktub lill-Qorti kompetenti bil-progress tal-ħati kull sitt xhur. Fir-rigward ta’ Sylvester James mill-erba’ snin ħabs irid jitnaqqas il-perjodu li huwa għamel taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna.