Lokali

Hemm bżonn transparenza u informazzjoni sħiħa dwar kif se titħaddem l-iskema Sens-Ability – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista konvint li l-iskema Sens-Ability saret b’intenzjonijiet tajbin sabiex din tgħin numru kbir ta’ ġenituri bit-tfal bl-awtiżmu jkomplu jagħtu t-terapija lil uliedhom mid-dar. Madankollu, għadna ma smajniex kif din l-iskema se taħdem fil-prattika.

Fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap David Agius u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo u Maria Deguara, il-Partit Nazzjonalista qal li biex wieħed jibbenifika minnha hemm bżonn jiġi magħruf din l-iskema meta tibda u meta tagħlaq, ċioe iż-żmien tal-applikazzjoni tagħha.

Ma ngħatatx informazzjoni fuq x’hemm bżonn biex wieħed jkun jista’ japplika u jibbenefika mill-fondi għaliha. Ma nafux lanqas kemm jistgħu jibbenefikaw minnha għax ma nafux kemm ġew allokati fondi għaliha.

Din in-nuqqas ta’ trasparenza ma tgħin lil ħadd. Sfortunament din l-iskema ukoll ma tgħinx lil min m’għandux wisa għal kamra bħal din fid-dar jew jaħseb li wliedhom għandhom bżonn riżorsi oħra.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kamra bħal din trid tkun mhux biss mgħammra b’mod professjonali, iżda importanti li jkun hemm professjonisti li jkunu lesti jaraw kif saru dawn il-kmamar u juru lit-tfal u l-ġenituri kif għandhom jintużaw l-affarijiet bl-aħjar mod.

Fl-aħħar mill-aħħar ma rridux ninsew li l-ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu jonfqu spejjeż sostanzjali kull xahar f’terapiji differenti, u kien aħjar li kieku flimkien ma’ din l-iskema il-ġenituri ngħataw l-għażla sabiex apparti jew minflok il-kamra, jkunu jistgħu jibbenefikaw f’għajnuna finazjarja għat-terapija ta’ wliedhom jew għajnuna finazjarja għal riżorsi oħra.

Il-Partit Nazzjonalista appella sabiex l-ippjanar jsir bi ħsieb ħalli jintlaħqu verament kemm nies bl-awtiżmu u anke dawk bi bżonnijiet oħra, speċjalment f’dawn iż-żminijiet fejn kellhom jagħmlu żmien bla terapija.