Lokali

“Il-Bord tal-Inkjesta għandu jiddeċiedi hu dwar xogħlu” – Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, Strassburgu

Kritika qawwija għal dak li qed jitqies bħala indħil mill-Prim Ministru Robert Abela fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem fi Strassburgu f’ittra indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela irrefera għall-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u għall-limitu taż-żmien li poġġa l-Prim Ministru lill-Bord tal-Inkjesta.

Fl-ittra tiegħu il-Kumitat jisħaq li l-inkjesta saret biex Malta tirrispetta l-obbligi taħt artiklu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Inkjesta stabbilita taħt dan l-artiklu, jgħid il-Kumitat, għandha tkun għal kollox indipendenti. Fuq kollox għandha tkun ħielsa mill-indħil minn dak li hu s-suġġett tal-investigazzjoni, f’dan il-każ, l-Istat Malti.

L-ittra tkompli tgħid li fit-termini tar-referenza tal-inkjesta hemm miktub li l-bord għandu jagħmel l-għalmu tiegħu sabiex itemm l-inkjesta fi żmien disa’ xhur iżda dan mingħajr ma jippreġudika ż-żamma mat-termini tar-referenza. Dan ifisser li mhemmx zmien limitat li fih trid tintemm l-inkjesta. Anzi jidher li dan iħalli t-terminu miftuħ apposta, sabiex jagħti żmien biżżejjed biex l-inkjesta ssir kif suppost.

Il-Kumitat itemm l-ittra billi jgħid li bħala entità indipdendenti, huwa biss il-Bord tal-Inkjesta nnifsu li jista jiddetermina meta jkun temm xogħlu, jekk għandux bżonn aktar minn disa’ xhur, u kemm żmien għandu bżonn.