Coronavirus Lokali

Il-GWU titlob laqgħa mal-Ministru dwar il-leave ta’ kwarantina

Il-GWU ingħaqdet ma’ imsieħba soċjali oħrajn f’talba lill-Gvern biex il-ħaddiema li jirriżultaw pożittivi għall-Coronavirus jieħdu l-leave ta’ kwarantina u mhux jinqalbu għal-leave tal-mard.

Għal dan il-għan, il-Union talbet laqgħa mal-Ministru Carmelo Abela, filwaqt li mhux teskludi azzjonijiet industrijali f’diversi postijiet tax-xogħol. Dan anke fid-dawl tan-notifika li ħaddiema qed jirċievu u li tgħid li huma jaqgħu taħt l-obbligi kollha tal-kwarantina, fosthom il-multi u l-iżolament.

Il-GWU fakkret li l-Liġi dwar il-Kwarantina tgħid li l-impjegat għandu jingħata leave speċjali mingħajr telf ta’ paga. Madankollu, il-ħaddiema qed jiffaċċjaw inċertezza u inkwiet kbar minħabba n-numru limitat ta’ ġranet ta’ leave għall-mard.