Lokali Qorti

Immultat €2,500 talli ħalla l-klieb tiegħu f’gaġeġ żgħar

Għawdxi ta’ 38 sena ġie mmultat €2,500 mill-Maġistrat Joe Mifsud wara li nstab ħati li ħalla żewġ klieb li huma propjetà tiegħu jgħixu f’gaġeġ ta’ qies iżgħar milli tippermetti l-liġi. Instab ħati wkoll li ma ħax ħsieb jiċċippja l-istess klieb.

Il-Qorti spjegat lil Noel Attard residenti ż-Żebbuġ fis-sentenza li tagħat li annimal jista’ jiġi mġiegħel isofri wġiegħ, tbatija, jew dwejjaq bla bżonn jew li jiġi abbandunat kemm b’azzjoni ta’ kommissjoni kif ukoll b’azzjoni ta’ ommissjoni.

Is-sentenza tgħid ukoll li tista’ tabbanduna annimal billi tkeċċih fiżikament minn daru daqskemm tista’ tabbanduna annimal billi tonqos milli titimgħu u tagħti kasu.

Tista’ wkoll ġġegħlu jbati billi ttih ikel li ma jkunx tajjeb għalih, daqskemm tista’ ġġegħlu jbati milli tonqos milli ttih biżżejjed ikel tajjeb għalih.Tista’ wkoll ġġiegħlu jbati wġiegħ billi ssawwtu fiżikament daqskemm tista’ ġġiegħlu jbati wġiegħ billi ma ttiħx il-kura veterinarja meħtieġa għall-mard jew ġrieħi li jkollu.

Mill-provi rriżulta li fl-4 ta’ April 2019 kien daħal rapport li ġewwa Triq il-Lampuka, Żebbug, Għawdex hemm garaxx u qed jinżammu xi klieb li qed ikunu msakkrin hemmhekk għal perjodu twil.

L-għada saret spezzjoni mill-Uffiċċjal tal-Animal Welfare Joe Cassar u l-veterinarju Luke Verzin fejn sabu l-bieb kien imbexxaq u kien hemm żewġ klieb ġewwa gaġeġ li mad-daqqa ta’ għajn minn barra t-triq kienu jidhru li huma żgħar.

Ittieħdu xi ritratti u ppruvaw jaraw min kien sidhom. Wara kienu ħallew it-telephone ma’ persuna li kienet tgħix fl-inħawi. Aktar tard kien ċempel Noel Attard li kien kellem lil Fiorita Sammut fejn kienet infurmatu biex ikabbar il-gaġeġ għax kienu żgħar fejn kienu qed jinżammu.

Dan qalilha li l-gaġeġ kienu tajbin u li ma kienx se jkabbarhom. Qalulu wkoll li jekk inhu possibli jħallihom jiġru fil-garaxx, jiftħilhom il-bieba però qalilhom li mhuwiex possibli li jħallihom fil-garaxx.

Ix-xhud Joe Cassar spjega li qabel 4 ta’ April kienu diġà daħlu xi rapporti u kienu marru fuq il-post u kienu pruvaw ikellmu lill-imputat, fejn hu kien kellmu bit-telephone u kien avżah biex ikabbar il-gaġeġ u kien qallu l-istess diskors li għalih il-gaġeġ kienu tajbin u li mhux se jċaqlaq xejn.

Fit-23 ta’ Mejju 2019 reġghu marru l-uffiċjali jagħmlu spezzjoni oħra fejn kien baqa’ kollox l-istess. Ittieħdu xi ritratti għax il-garaxx dejjem kien ikun jew imbexxaq jew miftuħ. Mir-ritratti irriżulta li ma kien sar l-ebda tibdil.

Fil-15 ta’ Ġunju 2019 kienu kkonfiskati l-klieb li nstabu fuq il-post. Qabel ma sar dan l-uffiċjali tal-Ħarsien tal-Annimali marru l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat Għawdex u ġew assistiti minn żewġ kuntistabbli tal-Pulizija li marru fil-post indikat.

Hemm sabu lis-sid fejn infurmawh li kellhom ordnijiet biex jieħdu l-klieb u għalkemm ma ħax gost u beda jkellimhom mhux xieraq il-klieb ittieħdu. Niżżluhom Malta u ħaduhom l-isptar l-APH ta’ Qali għal check-up.

Ix-xhud Fiorita Sammut spjegat dwar il-qisien tal-gaġeġ rikjesti mil-liġi u dawk li nstabu fuq il-post fejn kien hemm il-klieb tal-imputat kienu anqas milli tgħid il-liġi.

Il-Qorti spjegat kif il-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin iħobbu l-annimali udawk li jrabbu l-annimali domestiċi qiegħed dejjem jiżdied. Għandu minnufih jintbagħat messaġġ b’saħħtu lil dawk il-persuni li jwettqu atti ta’ moħqrija fuq l-annimali, għaliex dawn l-atti mhux aċċettabbli.
I

l-Qorti sadanittant ma sabitx lil Noel Attard ħati li ġiegħel annimal isofri uġiegh, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn jew li abbandunah. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.