L-għaqda Repubblika esprimiet xokk u frustrazzjoni għall-aħbar li tixhed li l-impunità fid-dinja politika dejjem qed tidher li tolqot demokarziji li huma dgħajfa wisq biex jiffaċċjaw ġustizzja vera. Repubblika kkundannat il-fatt li l-familja Kuciak ġiet imċaħħda mill-ġustizzja fil-ġuri dwar il-qtil fa’ Jan Kuciak u l-għarusa tiegħu Maria Kusnirova li, bħal ma ġara f’Malta, kien qanqal protesti fejn l-eluf niżlu fit-toroq jitolbu għall-ġustizzja.
Repubblika toffri l-appoġġ tagħha lil dawk li se jkunu qed jipprotestaw biex issir ġustizzja fis-Slovakkja.
Din l-aħbar hija aktar inkwetanti fl-isfond tad-dikjarazzjoni ta’ Robert Abela li mhux beħsiebu jerġa’ jestendi ż-żmien il-Bord tal-Inkjesta fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia wara Diċembru.
Meta wieħed iqis l-informazzjoni xokkanti ta’ korruzzjoni, ineffiċjenzi u nuqqasijiet fit-tmexxija li ħierġa, li kieku Robert Abela kien Prim Ministru serju li verament irid li toħroġ il-verità kollha, kien ikun hu stess li jixpruna l-inkjesta sabiex tinkixef il-verità, sabiex issir ir-riforma tant meħtieġa li tiżgura li ssir ġustizzja, u mhux ikun fuq quddiem biex ixekkilha.
Repubblika tistaqsi jekk Robert Abela hux skomdu jisma’ l-verità sħiħa, u tinfurmah li mhux se tittollera aktar tfixkil għall-ġustizzja, aktar w’aktar fid-dawl tat-tfixkil permezz tal-limitazzjonijiet biż-żmien, filwaqt li saħqet li se tieħu l-passi meħtieġa jekk il-ġustizzja tibqa’ tixxekkel.
//= $special ?>