Lokali

“Jeħtieġ il-kuraġġ sabiex tinbidel il-Kostituzzjoni għal governanza aħjar” – Pauline Miceli

Illejla, f’Misraħ l-Assedju l-Kbir, il-Belt Valletta, saret iċ-ċelebrazzjoni li tfakkar Jum il-Vitorja b’ċerimonja quddiem il-monument ta’ Antonio Sciortino li jfakkar ir-rebħa storika tal-Maltin.

Għaċ-ċerimonja, li saret fl-isfond tal-pandemija u biż-żamma tad-distanzi soċjali, fost mistiedna distinti oħra attenda l-aġent  Prim Ministru Chris Fearne fin-nuqqas tal-Prim Ministru Robert Abela. Attendew ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, u l-iSpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia fost l-oħrajn. 

Jum il-Vitorja jfakkar ir-rebħa tal-Maltin u l-Ordni ta’ San Ġwann fl-Assedju l-Kbir tal-1565 u t-tmiem tal-assedju fuq Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli, f’diskors li għamlet f’din l-okkażjoni ddeskriviet din il-festa bħala ċelebrazzjoni tal-kuraġġ ta’ missirijietna u saħqet li mhux biżżejjed ikollok ir-rieda li tibni l-pajjiż fuq is-saltna tad-dritt iżda li jrid ikollok il-kuraġġ li tagħmel it-tibdiliet fil-Kostituzzjoni li verament itejbu l-Governanza.

Hi tkellmet ukoll dwar l-importanza li t-tfal jagħtu sehemhom fit-tfassil tal-politika u li dawn ikollhom l-opportunità jsemmgħu leħinhom mhu biss f’oqsma bħall-edukazzjoni u l-logħob iżda anke f’temi oħra bħall-ekonomija, l-ambjent u l-ippjanar.

Lejn tmiem iċ-ċerimonja l-Aġent Prim Ministru Chris Fearne u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kienu fost dawk li qegħdu kuruni f’riġlejn il-monument fil-Bronz ta’ Sciortino.

Iċ-ċerimonja għalqet wara t-tqegħid tal-kuruni bid-daqq tal-innu Malti mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt it-tmexxija tas-Surmast u Kaptan Jonathan Borg.