Lokali Qorti

Jiċħad li agredixxa Żvediża fil-Belt – jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli

Raġel mis-Siġġiewi ġie ordnat sabiex jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli wara li tressaq il-Qorti akkużat li agreddixa żagħżugħa Żvediża nhar it-28 ta’ Awwissu fl-inħawi magħrufa bħala il-Fossa fil-Belt Valletta.

Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri instema’ kif Frederick Mifsud, ta’ 36 sena, allegatament wettaq dan l-aġir waqt li kien jinsab barra fuq libertà proviżorja. Huwa kien akkużat fost oħrajn li darab gravement lit-tfajla ta’ 26 sena wara li allegatament taha daqqiet ta’ sieq f’wiċċha waqt li kienet qed tixxemmex.

Filwaqt li l-aggressur ħarab minn fuq il-post, minn investigazzjonijiet mwettqa mill-Pulizija ankè permezz ta’ filmati miġbura minn kameras tas-sigurtà fiż-żona – il-Pulizija waslu sabiex arrestaw lill-istess Mifsud.

Ir-raġel ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u stqarr li ma kienx jaf l-indirizz tar-residenza tiegħu.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Daryl Borg qal li l-probation officer tal-akkużat infurmah li ma kienx attenda għall-aħħar żewġ appuntamenti skedati li kellu.

Intant, l-Avukati difensuri – Franco Debono u Marion Camilleri talbu sabiex isir ezami psikjatriku fuq il-klijent u jinżamm fis-Sezzjoni Forensika tal-Isptar Monte Karmeli – talba li ma sabet ebda oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni u mill-istess Maġistrat.